Mill-prekarjat sal-JOBS+... L-unjins xi jgħidu?

    Żgur li sehem qawwi fit-tmexxija tal-pajjiż għandhom il-Korpi Kostitwiti. L-irwol importanti tagħhom illum huwa magħruf anke permezz tad-diversi strutturi li jieħdu sehem fihom bħal MEUSAC u l-MCESD. inewsmalta.com talab ir-reazzjoni ta’ wħud minnhom għal dawn l-ewwel mitt jum tal-gvern. Ridna ħsieb ġenerali u dak li jiddeskrivu bħala l-iktar pożittiv u negattiv.

    Tony Zarb – Segretarju Ġenerali General Workers Union

    Meta wieħed iqis id-diffikultajiet kbar li l-gvern wiret mill-gvern preċedenti, naħseb li l-gvern ġdid fl-ewwel mitt ġurnata għamel affarijiet kbar. Mhux biss, iżda fl-ewwel mitt jum il-gvern irnexxielu jibda jattwa diversi wegħdiet mill-programm elettorali. Jidher li huwa gvern determinat li jwettaq dak li wiegħed.

    Naħseb li għalina, bħala General Workers’ Union, l-aktar deċiżjoni li laqtitna b’mod pożittiv hija li l-gvern qiegħed jgħid li se jkun protagonista fil-ġlieda kontra x-xogħol prekarju. Dan għalina bħala General Workers’ Union ifisser ħafna.

    Xi ħaġa negattiva naħseb li hi li l-gvern għadu mhux jieħu passi kontra dawk li wettqu ħniżrijiet li qegħdin nisimgħu li saru mill-gvern preċedenti. Naħseb li l-poplu qiegħed jistenna azzjoni diretta mill-gvern. Mhux sewwa li min abbuża bi flus il-poplu ma jinżammx responsabbli.

    Kevin Bonello – President, Malta Union of Teachers

    Fermament nemmen li għadu pjuttost kmieni biex wieħed jagħti ġudizzju fuq gvern li ilu biss mitt jum. Nemmen bis-sħiħ li l-frott ta’ gvern jibdew jinġabru wara madwar sentejn ta’ operat. Jekk nagħmlu pressjoni fuq il-ministeri biex jagħtu riżultati fi żminijiet qosra aktarx din tkun tfisser li ċertu deċiżjonijiet ikunu mgħaġġla u jistgħu jkunu detrimentali iktar milli ta’ ġid.

    Ċertament li l-aktar żewġ deċiżjonijiet li laqtuna b’mod pożittiv ħafna huma d-deċiżjoni li l-Ministeru tal-Edukazzjoni jerġa’ lura l-Furjana fl-istess binja mad-Direttorati u dan għax b’hekk il-Ministeru hu f’kuntatt dirett mal-persuni li jridu jattwaw il-politika tal-gvern u hu ħafna iktar faċli biex issir komunikazzjoni effettiva interna

    Laqtitna wkoll id-deċiżjoni li jsir Kodiċi ġdid ta’ Imġieba fl-iskejjel tagħna, fejn ħafna mill-membri tagħna laqgħu dan l-iżvilupp b’pożittività kbira għaliex ħafna drabi jħossuhom waħedhom meta jkollhom diffikultajiet.

    Deċiżjoni li laqtitna b’mod negattiv kienet il-fatt li ċertu deċiżjonijiet importanti, bħall-introduzzjoni tal-Co-Ed, li jfissru riforma oħra fl-edukazzjoni ttieħdu wisq malajr u diversi persuni f’ċerti karigi tħallew jinterpretaw kif iridu ċ-ċirkostanzi u iktar qajmu paniku milli għamlu l-ġid. Aħna nistennew li meta jittieħdu ċertu deċiżjonijiet jittieħdu b’ċertu kawtela u l-uffiċjali għolja tal-gvern, bħall-Prinċipali tal-Kulleġġi, għandhom jingħataw direzzjoni ċara tar-rwol tagħhom x’għandu jkun.

    Josef Vella, Union Ħaddiema Magħqudin

    Il-UHM tgħaraf l-enerġija li daħal biha fit-tmexxija tal-pajjiż il-Prim Ministru l-ġdid Joseph Muscat u tawgura li din tibqa' tul il-leġiżlatura kollha. Dawn l-ewwel mitt jum tal-gvern ta' Muscat kienu karatterizzati mill-buon sens li l-Gvern, kif wiegħed, ressaq il-baġit li kien tħejja mill-amministrazzjoni preċedenti mmexxija mill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi. Dan serva għall-kontinwità minn amministrazzjoni għall-oħra biex ma jkunx hemm skossi fl-andament ekonomiku tal-pajjiż. Minkejja dan, il-UHM ma tistax ma turix it-tħassib tagħha għall-fatt li tul dawn l-aħħar 100 jum pajjiżna reġa' iddaħħal fil-Proċedura ta' Żbilanc Eċċessiv mill-Kummissjoni Ewropea.

    Hu aktar ta preokuppazzjoni għalina jekk biex il-Gvern jilħaq il-miri stabbiliti mill-UE u jniżżel l-iżbilanc ta' pajjiżna taħt it-tlieta fil-mija, jkunu l-ħaddiema Maltin li jsofru permezz ta' tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja. Il-UHM tibqa' kommessa, permezz tal-parteċipazzjoni attiva tagħha fl-MCESD, biex tagħti kontribut ħalli jinstabu soluzzjonijiet li jħarsu l-ħaddiema waqt li jtejbu l-qagħda finanzjarja ta' pajjiżna.

    L-aktar ħaġa pozittiva li esperjenzat il-UHM tul dawn l-aħħar mitt jum ta gvern ġdid hi dik marbuta ma l-inizjattiva li varat il-UHM u li ġabet l-imsieħba soċjali u l-partiti politiċi kollha jaqblu dwarha: JOBS+. Il-Gvern ta priorità lil din l-inizjattiva billi malli għadda l-baġit waqqaf il-Kumitat fi ħdan l-MCESD biex imexxi l-istrateġija li biha se tkun qed titwettaq il-politika JOBS+ li ħolqot il-UHM. Min-naħa l-oħra, il-UHM tinsab imħassba serjament wara li numru ta’ membri tagħha, partikolarment dawk il-ħaddiema ta' San Vincenz de Paul sfaw vittmi ta’ transfers 'xejn trasparenti' li ngħataw enmass ftit ġimgħat wara l-elezzjoni. F'dan il-każ il-UĦM kellha tiġġieled għad-drittijiet tal-ħaddiema membri tagħha meta suppost ilu stabbilit li f'każijiet ta’ transfers bħal dawn irid ikun hemm proċess ta’ djalogu miftuħ bejn il-Gvern u r-rappreżentanti tal-ħaddiema.

    • Tlabna wkoll reazzjoni tal-Kamra tal-Kummerċ. Iżda, sakemm wasal il-ħin tal-pubblikazzjoni kien għad m’għandniex tweġibiet.