Jitwettaq l-oppost

    Fl-ewwel mitt ġurnata, il-Gvern Laburista beda jagħti sura lis-slogans politiċi ta’ qabel l-elezzjoni. L-għajta ta’ “Malta Tagħna Lkoll”, “meritokrazija”, “l-etika”, “tista’ taħdem magħna anki jekk ma taqbilx magħna”, “l-għaqal fil-finanzi” qabel l-elezzjoni nftehmu mod u wara d-9 ta’ Marzu bdew jitwettqu mod ieħor.

    Nibda bl-aħħar punt: il-finanzi. Kienet deċiżjoni pożittiva li l-Gvern żamm il-baġit li kien preżentat f’Novembru li għadda. Madanakollu kienet deċiżjoni żbaljata li jilgħab bil-finanzi tal-pajjiż u daħħal lil pajjiż fl-excessive deficit procedure. Bid-deċiżjoni tiegħu, issa l-Gvern għandu l-Unjoni Ewropea li qed tgħassu kontinwament fil-finanzi għaliex mhix tafdah. Il-konsegwenzi tal-logħob politiċi jinħassu mill-ewwel. Issogra u żbalja.

    Marbuta mal-finanzi, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħa deċiżjonijiet li jgħabbu aktar il-finanzi tal-pajjiż. Illum għandna l-akbar kabinett li qatt kien hawn fl-istorja ta’ pajjiżna. Malta qatt ma rat daqshekk Ministri u Segretarji Parlamentari. Iżda mhux biss, il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari impjegaw għexieren kbar, li jlaħħqu mijiet ta’ persuni minn barra s-Servizz Pubbliku.

    Dan ifisser spiża akbar, għaliex iridu jitħallsu pagi ġodda. Fl-istess waqt rajna diversi Ministri jitkellmu dwar il-bżonn tat-tnaqqis tal-ispiża pubblika u jwaqqfu inizjattivi li kienu bdew mill-Gvern ta’ qabel: Ministri bdew ipoġġu f’dubju kemm għandu jkompli l-programm tal-Gvern li jibni skola ġdida kull sena kif kien qed isir. Ittieħdet id-deċiżjoni li l-Ministru tas-Saħħa jaqta’ s-servizz ta’ emerġenza li kien jingħata mill-privat fi tmiem il-ġimgħa. Tnaqqas ukoll l-overtime f’setturi kruċjali bħal dawk tal-anzjani.

    Malta Tagħna Lkoll. Mhux hekk jistgħu jgħidu s-Segretarji Permanenti li ġew mitluba jirreżenjaw f’anqas minn 24 siegħa minn meta Joseph Muscat ħa l-ġurament ta’ Prim Ministru. Is-Segretarji Permanenti jiġu maħtura biex ikun hemm kontinwità fis-Servizz Pubbliku, anke meta jkun hemm bidla fil-Gvern. Iżda din id-darba l-Gvern Laburista għażel triq oħra. Lanqas ħaddiema, bħall-pulizija u dawk li jaħdmu fil-qasam tal-anzjani u tas-saħħa, li qed jingħataw transfers bl-addoċċ ma jistgħu jgħidu li Malta Tagħna Lkoll għandha l-istess tifsira ta’ qabel l-elezzjoni.

    Li tagħti transfer lil xi ħadd ifisser li tkun qed tneħħi lil xi ħadd biex takkomoda lil ħaddieħor. Hu ċar li l-Gvern irid iwettaq l-obbligazzjonijiet elettorali li għamel minħabba l-wegħdi personali li għamel. U dan ma jgħoddx biss fit-transfers li qed jingħataw, imma anki bl-impjiegi li qed jingħataw fis-Segretarjati, tneħħija ta’ nies minn karigi għolja, bil-konsulenzi li qed jingħataw u bin-nies li qed jitpoġġew fil-bordijiet wara li kienu għamlu statements favur il-Partit Laburista qabel l-elezzjoni jew dehru fuq xi billboard. Anke l-amnestija li ngħatat lill-priġunieri tikwadra fil-wegħdi personali u l-obbligazzjoni li kellu l-Partit Laburista minħabba l-wegħdi li għamel. Ftit ftit qed joħroġ, mhux x’kien hemm fil-programm elettorali – ghax dak kien pubblikat qabel l-elezzjoni - imma x’kien qiegħed jiġi imwiegħed lill-individwi fid-djar.

    Il-Gvern Laburista ġiegħel ukoll liċ-Chairman tal-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni jirreżenja. Din ir-riżenja sfurzata tmur kontra l-liġijiet ta’ pajjiżna u d-direttivi tal-Unjoni Ewropea. Din it-tip ta’ deċiżjoni turi li l-Gvern ma jiddejjaq xejn li jikser ir-regolamenti, basta jasal fejn irid.

    Il-korrettezza fil-politika hi kruċjali biex il-poplu jibqa’ jkollu kredibbilità fil-politiċi u fis-sistema politika. Id-deċiżjoni ta’ Dr Joseph Muscat li jikri l-karozza personali tiegħu lilu bħala Prim Ministru kienet żball. Bħalma kien żball li ma ddejjaq xejn iħalli Segretarju Parlamentari imur kontra l-Kodiċi ta’ Etika u jħallih jaħdem fil-privat, meta hemm speċjalisti oħra li jistgħu jagħmlu l-operazzjonijiet li jagħmel hu.

    Quddiem dawn id-deċiżjonijiet li ttieħdu fl-ewwel mitt ġurnata, nistgħu naraw kif kien hemm eżerċiżżju fejn kien jingħadd ħaġa li tista’ tiftiehem mod, imma wara l-elezzjoni titwettaq mod ieħor – l-oppost.