Indikazzjonijiet xejn sbieħ

    Jekk l-ewwel mitt jum huma indikazzjoni ta' kif ħa jkun qed jimxi Gvern fil-kumplament tal-leġislatura, l-indikazzjonijiet ma tantx huma sbieħ.

    Rajna Gvern li ftit jimpurtah mill-interess nazzjonali, imma jpoġġi l-ewwel l-interess partiġġjan. U biex jagħmel dan, mhu qed ikollu l-ebda skrupli, la etiċi u lanqas umani.

    Bdejna bir-riżenji sfurzati tas-Segretarji Permanenti u l-Bordijiet tal-Awtoritajiet, inklużi dawk regolatorji li għandhom ikunu indipendenti mill-Gvern fl-operat tagħhom. Rajna l-istess Bordijiet jimtlew b’kandidati, kunsilliera, Sindki, jew nies li ħarġu għonqhom fil-kampanja elettorali tal-Partit Laburist. Sa anke qed immorru għall-estremità li nipproponu nibdlu l-liġi biex anke Membri Parlamentari jkunu jistgħu jpoġġu f’dawn il-Bordijiet, mingħajr ma nikkunsidraw il-kunflitt li jinħoloq u r-rwol propju li għandu jaqdi deputat.

    Twarrbu nies apolitiċi u tal-affari tagħhom bħal Perit Felice, ftit ġranet qabel kellu jirċievi għan-nom ta’ pajjiżna t-titlu ta’ Belt Kapitali Ewropea għal Valletta 2018, is-sodisfazzjon wara snin jaħdem fuq din in-nominazzjoni, biex postu ittieħed minn Jason Micallef mhux abbażi ta’ xi mertu jew kompetenza, imma fuq bażijiet purament politiċi.

    Però dan tistennieh minn min sa mill-ewwel beda “jbażwar naqra ‘l hemm u naqra ‘l hawn” anke’ f’dik li hi etika. U dan qed iwassal biex il-Prim Ministru jibda jitlef il-kontroll ankè fuq il-Kabinett tiegħu. Il-każ ta’ Franco Mercieca, apparti il-ksur tal-Kodiċi ta’ Etika tal-Ministri, wassal biex il-Prim Ministru gideb lill-poplu meta qal li Mercieca ħa jkun qed jagħmel biss xogħol bla ħlas fl-isptar nhar ta’ Ħadd fuq operazzjonijiet li ħadd ieħor ma jagħmilhom. Nuqqas ta’ etika u dekor intwera wkoll mill-Ministru Mallia meta biex ħabbar amnestija, minflok konferenza stampa, għamel mass meeting fil-ħabs fejn rajnieh jitgħannaq mal-priġunieri.

    Jidher li l-Gvern irrealizza wkoll li ħa jkun impossibli jżomm il-wegħdi li saru lil kulħadd qabel l-elezzjoni, u f’tentattiv biex ibatti l-istennija tan-nies, kien lest li jdaħħal lill-pajjiżna fil-proċedura tad-defiċit eċċessiv, bl-iskuża li din hi tort tal-Gvern preċedenti. Dan meta l-verità hi li sal-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, il-Gvern preċedenti ħalla lil pajjiżna bl-ogħla tkabbir ekonomiku fl-Ewropa, tnaqqis fid-defiċit, u żieda fid-dħul tal-Gvern.

    Erġajna smajna bi transfers vendikattivi, li apparti mill-effetti fuq il-ħaddiema infushom, kellhom effetti negattivi fuq il-pazjenti, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli bħal pazjent bid-demenzja f’San Vinċenz.

    Punt pożittiv li rajna kien l-emenda li saret biex nies bħal Joanne Cassar ikunu jistgħu jiżżewwġu u jgħixu ħajjithom. Ta’ dan ngħid ‘Prosit’ ukoll lil Mario de Marco tal-apoloġija pubblika u bla tlaqliq li għamel fil-Parlament li xi ħaġa bħal din ma ingħatatx priorità qabel.

    Ftit kienu però l-inizjattivi ġodda li rajna f’dawn l-ewwel mitt jum. Il-priorità kienet biex mit-taxxi tagħna lkoll inħallsu lura għal kampanja “Tagħna Lkoll”. Fl-istess ħin, minn għalina ippruvajna nnaqsu n-nefqa billi nitfu l-fjamma eterna quddiem il-Monument tal-Gwerra, jew innaqsu mis-servizz tas-saħħa, mentri żidna bla bżonn l-ispiża amministrattiva bl-ikbar Kabinett fl-istorja ta’ Malta, u bl-akbar numru ta’ ħaddiema minn barra ċ-ċivil li ddaħlu jaħdmu fis-Segretarjati u Ministeri. Mhux ta’ b’xejn li fi kliem il-Ministru tal-Finanzi stess, il-Kummissjoni Ewropea m’għadhiex temmen lill-Gvern Malti f’dak li hu pjan ekonomiku.

    L-iżjed ħaġa li ddejjaqni hija li għal kull kritika li ssirlu, il-Prim Ministru jew jisparixxi u ma jikkummentax, jew sempliċiment jirrispondi bl-argument ta’ “għax ma tarawx x’għamel ħaddieħor?”. Meta jagħmel dan l-argument, nitħawwad biex nifhem x’ried ifisser meta wiegħed bidla fid-direzzjoni. Hemm bżonn jirrealizza kemm jista’ jkun malajr li issa m’għadux fl-Oppożizzjoni, u jrid jirrispondi kontinwament għall-operat tal-Gvern.