Mitt jum f'rutina ġdida

    F’bitħa xemxija mimlija qsari u ġugarelli, inpartat kelmtejn ma’ tewmin bniet ta’ ħames snin dwar il-fkieren li jrabbu b’għożża kbira filwaqt li ommhom tlestili l-kafè u l-gallettini. Nistħajjilni qiegħda għand il-ħbieb u mhux fid-dar tal-Prim Ministru biex nintervista lill-mara tiegħu dwar l-ewwel mitt jum ta’ gvern ġdid.

    Mitt jum li raw lis-Sinjura Michelle Muscat ixxammar il-kmiem u tmidd idejha għall-ħidma pubblika aktar minn qatt qabel, filwaqt li tagħmel l-aħjar li tista’ biex iżżomm sens ta’ normalità fil-ħajja ta’ wliedha. Id-determinazzjoni ta’ din il-mara li flimkien ma’ żewġha twettaq bidla għall-aħjar tinħass f’kull kelma li tlissen.

    Tista’ tgħid li l-aħħar ġurnata fir-rutina passata tas-Sinjura Muscat kienet proprju dakinhar tal-elezzjoni ġenerali, fid-9 ta’ Marzu li għadda, u għalhekk l-ewwel ma staqsejtha kien x’tiftakar minnha u mill-għada, meta tħabbar ir-riżultat tal-elezzjoni.

    “Is-Sibt wara l-votazzjoni morna ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista u rringrazzjajna lill-istaff kollu - tim tajjeb immens li magħhom inħossni qisni ma’ tal-familja. Ħassejt sens ta’ diqa - kemm għax għalkemm għamilna dak kollu li stajna ma konniex nafu x’se jkun ir-riżultat tal-elezzjoni, u kemm għax kont naf li jkun xi jkun ir-riżultat, l-affarijiet kienu se jinbidlu.

    Imbagħad ġejna d-dar ma’ koppja ħbieb tal-qalb tagħna. Jien kont moħħni fil-kaxxi tal-voti. Lil Joseph dawk ma jinteressawhx wisq għax huwa persuna prattika, imma lili dik il-fażi tal-wasla tal-kaxxi fiċ-ċentru tal-għadd tal-voti tinteressani u għalhekk segwejniha fuq it-televixin sakemm kilna xi ħaġa.

    L-għada filgħodu bqajna d-dar nistennew ir-riżultat. Kont kalma ħafna għax dak hu n-natural tiegħi - nibqa’ kalma anke jekk dawk ta’ madwari jkunu eċitati. Bdew ġejjin l-ewwel indikazzjonijiet tar-rebħa imma jien bniedma realistika ħafna u qabel nara r-riżultati ma nagħmilhiex fatta. Għalhekk bqajt nistenna l-mument meta kien hemm ċertezza fir-riżultat.

    Hekk kif dan ir-riżultat tħabbar, bdew ġejjin tal-familja.

    Sorpriża ħelwa ħafna li apprezzajt immens kienet li malli ftaħna l-bieb ta’ barra biex noħorġu mid-dar, sibna ġemgħa ta’ ġirien jilqgħuna, inklużi nies ta’ fehma politika differenti minn tagħna. Il-villaġġ żgħir ta’ Burmarrad donnu ħass li jrid jingħaqad magħna f’dak il-mument.”

    Mit-Tlieta ta’ wara l-elezzjoni, bdiet rutina ġdida għall-Prim Ministru u martu, iżda mhux għal uliedhom. Kif qaltli s-Sinjura Muscat, “Billi t-tfal għadhom żgħar, ma ridniex inħarbtulhom ir-rutina li kienu mdorrijin biha u ppruvajna nżommuhielhom normali kemm jista’ jkun. Jien bqajt inwassalhom u mmur għalihom l-iskola kuljum, u neħodhom għal-lezzjonijiet tal-ballet u attivitajiet oħra li jkollhom. Missierhom baqa’ jqum kmieni kuljum biex ilibbishom u jqatta’ siegħa magħhom qabel jitilqu lejn l-iskola, għax filgħaxija mhux dejjem jilħaqhom imqajmin. Nippruvaw ninvolvuhom kemm nistgħu fl-impenji soċjali li jkollna, u huma adattaw ruħhom tajjeb ħafna għall-ħajja tagħna.”

    Għalkemm minn meta twieldu t-tfal fl-2007 s-Sinjura Muscat iddedikat il-parti l-kbira ta’ ħinha għat-trobbija ta’ wliedha, hija xorta waħda baqgħet dejjem involuta f’oqsma differenti tal-ħajja pubblika. Dan il-fatt ipprovdielha preparazzjoni tajba għall-ħajja li qed tgħix bħalissa bħala mart il-Prim Ministru, bl-impenji kollha li dan ir-rwol iġorr miegħu.

    “Ix-xogħol li qed nagħmel bħalissa mhuwiex ġdid għalkollox għalija,” qaltli s-Sinjura Muscat. “Huwa xogħol li nagħmlu bil-qalb u fuq bażi kompletament volontarja. Xogħol f’oqsma soċjali fejn il-pubbliku jfittxek biex tgħinu. In-nies ifittxuni biex noħloq kuxjenza dwar kawżi ġusti u karitatevoli, biex ngħin fi ġbir ta’ fondi u biex nagħti sehmi f’oqsma kulturali fejn iħossu li nista’ nkun ta’ għajnuna. Ifittxuni għall-għajnuna fuq bażi personali wkoll. Quddiem il-problema ta’ dak li jkun, ma tistax iddawwar wiċċek imma trid tgħin biex il-problema tissolva. Il-problemi huma ħafna u kullimkien, u inti trid tkun hemm imqar biex tisma’ lil dak li jkun jitkellem dwar il-problema tiegħu.”

    Is-Sinjura Muscat tagħmel ħafna mix-xogħol tagħha minn Villa Francia, Ħal Lija, li kienet ġiet restawrata iżda li magħha hemm ġnien li għadu abbandunat. “Din hija ħasra u rridu naraw b’mod serju kif fil-futur tingħata l-attenzjoni meħtieġa lil proġett biex dan il-ġnien jissebbaħ u jkun jista’ jitgawda min-nies,” qaltli.

    Imma kollox ma’ kollox kif tħares lura lejn dawn il-mitt jum ta’ gvern ġdid? Weġbitni bla tlaqliq u b’konvinzjoni. “Ħames snin ilu Joseph qal li se jagħmel terremot. It-terremot ġie u ma weġġa’ ħadd. Anzi l-Partit Laburista nbidel u evolva b'mod pożittiv, u l-istess irid jagħmel il-pajjiż - mhux b’xi bakketta maġika iżda bi proċess li jieħu ż-żmien. Aħna bil-għaqal, u l-għaqal ifisser deċiżjonijiet f’waqthom biex ma jbati ħadd u ma jsirux inġustizzji ġodda.

    Inħoss li waħda mill-akbar sfidi tagħna hi li n-nies jifhmu li l-affarijiet iridu jsiru bis-serjetà u bid-dixxiplina, u li dak li ġie traskurat fl-imgħoddi rridu nindirizzawh u ma nqisuhx bħala piż żejjed. Il-flus tal-poplu jridu jintefqu kif suppost. It-tmexxija trid tkun serja u ħielsa mill-korruzzjoni. Forsi hemm min għall-bidu jsibha diffiċli biex jaċċetta d-dixxiplina, imma nemmen li fil-fond ta’ qalbu kulħadd jaf li t-triq it-tajba hija din.

    Dawn il-mitt jum narahom bħala l-bidu ta’ proġett kbir għal pajjiżna. F’mitt jum ma tagħmilx monument, imma pedament. U dan hu dak li għamilna b’enerġija kbira: il-pedament biex insewwu dal-pajjiż li verament jinħtieġ bidla f’kollox u f’kull livell. Issa beda ż-żmien ta’ dik il-bidla.”

    Ritratti: Ray Attard