“Se mmut!”... Tifel imut wara li tifel ieħor waddabblu biċċa ġobon

    Student allerġiku għall-prodotti magħmulin mill-ħalib spiċċa jissielet biex jieħu n-nifs u jgħajjat “se mmut” minuti wara li student ieħor waddablu biċċa ġobon għal fuq għonqu.

    Karanbir Singh Cheema ta’ 13-il sena magħruf bħala Karan u li kien iċċertifikat li kien b’saħħtu tilef ħajtu f’inċident li seħħ fit-28 ta’ Ġunju 2017 fi skola f’Londra.

    It-tifel li kien deskritt bħala student bravissimu tant li seta’ jilħaq dak kollu li xtaq miet għaxart ijiem wara fl-Isptar Great Ormond Street. Quddiem il-Qorti nstema’ dwar kif il-vittma mar jirraporta lill-għalliem dwar dak li seħħ u li dan bagħtu biex jiġi invistat mill-mediċi tal-iskola. Din ma kinitx l-unika allerġija li kellu t-tifel.

    It-tifel l-ieħor li waddablu l-ġobna li llum għandu 15-il sena qal li hu u sħabu ma kinux konxji dwar l-allerġija ta’ Karan. Wieħed mill-mediċi spjega dwar it-trattament li ngħata t-tifel u dwar il-kundizzjoni li bdiet tiggrava bil-ħin. It-tifel beda jħokk kontinwament għonqu tant li xi demm deher ħiereġ minn għonqu.

    Filwaqt li l-każ mistenni jkompli jinstema’ fis-sigħat li ġejjin, intqal li jkun ferm għaqli li kull skola jkollha kopja tal-allerġiji tal-istudenti u pjan ta’ kif jiġu trattati f’każijiet ta’ emerġenza.