TOP TEN: Dak li niżlilna għasel fl-ewwel mitt jum

    Kien hemm żewġ slogans li ssemmew ħafna tul l-ewwel mitt jum ta’ dan il-gvern. Gvern li Jisma’ u Gvern li Jaħdem. Ir-ritmu li bih beda dan il-gvern fl-ewwel mitt jum jagħti x’jifhem li dan huwa tassew Gvern li Jaħdem hekk kif diversi Ministri u Segretarji Parlamentari qabdu ritmu tajjeb ħafna u ta’ dan jixhdu n-numru ta’ inizjattivi li kienu mħabbra. M’għandniex xi ngħidu, kull inizjattiva - anke jekk tkun parti mill-mandat elettorali – twassal għal diskussjoni b’ħafna drabi f’kull każ jkun hemm iż-żewġ naħat tal-munita. F’dan l-artiklu għażilna dawk li skont aħna huma t-top ten ta’ dan il-gvern.

    KAŻ JOANNE CASSAR

    Waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li ħa l-gvern ta’ Joseh Muscat kien li laħaq ftehim ma’ Joanne Cassar biex din setgħet twaqqa' l-każ tagħha kontra Malta fil-Qorti Ewropea. Dan wara li amministrazzjoni preċedenti ċaħdet lil Cassar mid-dritt li tiżewweġ minkejja li hija persuna transgender magħrufa mill-istat bħala mara.

    Dan kien l-ewwel sinjal minn din l-amministrazzjoni l-ġdida li se tkun iktar qrib persuni LGBT. Persuni li għal dawn l-aħħar snin kienu fil-periferija tal-politika tal-amministrazzjoni tal-pajjiż.

    Il-Ministru Helena Dalli nediet ukoll il-Kunsill Konsultattiv li se jkun qed jagħti pariri u jressaq proposti lill-Gvern, kif ukoll jipprepara abbozzi ta’ liġijiet, li jikkonċernaw il-komunità LGBT. F'kummenti ma' inewsmalta.com wara t-tnedija ta' dan il-kunsill, l-avukat Neil Falzon qal li sa fl-aħħar l-għaqdiet għandhom djalogu miftuħ mal-gvern. Fisser id-djalogu pożittiv li hemm sa issa, anke jekk tenna li l-mument tal-prova huwa meta jkun hemm xi nuqqas ta' qbil.

    KUMMISSJONI GĦAR-RIFORMA FIL-ĠUSTIZZJA

    M’għandniex xi ngħidu, il-gvern irid ikun iġġudikat fuq dak li jikseb u dan mhux l-inqas fil-qasam tal-ġusitzzja. Iżda, l-mod kif is-Segretarju Parlamentari Owen Bonnici telaq għal għonq it-triq biex jirriforma dan il-qasam u l-għazla tal-membri biex ipoġġu fuq din il-Kummissjoni (żgur li dan kien każ ta’ mertiokrazija), kienet biżżejjed biex inpoġġuha mal-aqwa għaxra. Iżda, mhux biss. Il-135 proposta li tressqu fl-ewwel dokument huma bażi tajba ħafna biex ikun irriformat dan is-settur li ilu jokrob tant għall-bidla effettiva. Nistennew li issa niġġudikaw b’mod pożittiv dwar l-implimentazzjoni tagħhom.

    TITNEĦĦA L-PRESKRIZZJONI MINN FUQ KAŻI TA' KORRUZZJONI MILL-POLITIĊI

    Il-gvern żamm mal-wegħda tiegħu li jagħmel fost il-prijoritjiet fl-ewwel mitt jum tal-gvern it-tneħħija tal-preskrizzjoni fuq il-politiċi. Tibqa’ ttimbrata f’moħħ ħafna d-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Muscat: “Min għamel il-korruzzjoni mhux se jorqod mistrieħ.”

    Punt pożittiv ħafna f’din il-liġi hu li politiku li jinsab li wettaq korruzzjoni jittieħdulu l-affarijiet li jkun kiseb bil-korruzzjoni.

    IS-SEJĦA GĦAL POWER STATION TAĦDEM BIL-GASS

    Dwar din ġudizzju jkun jista’ jingħata f’Marzu 2015 meta l-proġett suppost ikun komplut b’mod sħiħ. Iżda l-interess li kien hemm fis-sejħa internazzjonali – 19 b’kollox – bilfors iġegħlna npoġġuha mat-top ten tal-ewwel mitt jum. Dan anke fid-dawl tad-dubji li tqajjmu fil-kampanja elettorali dwar kemm jista’ jkun hawn persuni interessati fi proġett bħal dak propost mill-Partit Laburista u Konrad Mizzi. Anke l-mod miftuħ kif qiegħed jitmexxa l-proġett, b’aġġornamenti kontinwi lill-midja huwa xi ħaġa ta’ min wieħed ifaħħar.

    FESTI NAZZJONALI

    Forsi tidher bħala xi ħaġa minuri, iżda kienet inizjattiva tajba u li ntlaqgħet tajjeb ħafna dik li l-Kap tal-Oppożizzjoni, dakinhar kien għadu Lawrence Gonzi, kien mistieden biex flimkien mal-Prim Ministru jsellmu lil Malta Ħielsa. Tgħidu għal daqshekk? Iżda, kellu jsir Prim Ministru Joseph Muscat biex inizjattiva tant sempliċi, għalkemm b’sinjifikat qawwi, ittieħdet.

    REVIŻJONI TAL-FTEHIM MAL-VATIKAN

    Ġimagħtejn wara l-ħatra tal-gvern il-Prim Ministru Joseph Muscat iltaqa’ mal-Arċisqof Pawlu Cremona. F’din il-laqgħa Muscat għamilha ċara li kien il-ħsieb tal-gvern tiegħu li jitlob reviżjoni tal-ftehim tal-1992 mal-Vatikan.

    Wara ftit jiem fi stqarrija konġunta bejn il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u s-Segretarjat Parlamentari għall-Ġustizzja ħabbru li qed isiru negozjati mal-Vatikan dwar is-supremazija tat-Tribunal Ekkleżjastiku fuq il-Qorti Ċivili.

    Il-Gvern Malti bagħat nota verbali lin-Nunzjatura tas-Santa Sede biex jibdew taħditiet bejn l-Istat ta' Malta u l-Istat tal-Vatikan bil-għan li jiġi rivedut il-ftehim tal-1992 dwar is-supremazija tat-Tribunal Ekkleżjastiku fuq il-Qorti Ċivili ta' Malta.

    “Il-Gvern Malti jemmen li l-Qrati Ċivili ta' Malta għandhom ikunu l-entità superjuri fiż-żwiġijiet biex ikun hemm separazzjoni bejn l-Istat u l-Knisja. Fl-istess waqt jeżisti impenn totali li, f'dan ir-rigward, jintlaħaq ftehim li jkun sodisfaċenti kemm għall-Gvern kif ukoll għall-Knisja.

    “Kien għalhekk li ġie deċiż li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jikteb formalment lis-Santa Sede biex jibdew in-negozjati meħtieġa,” intqal fl-istqarrija li fiha tħabbret din id-deċiżjoni. Mhemmx dubju li f’pajjiż fejn irridu nagħmlu iktar ċara d-differenza bejn stat u knisja, deċiżjoni bħal din għandha tidħol mat-top ten.

    ESPRESSJONI TA' INTERESS

    Il-gvern wera li hu kommess li jtellaq diversi proġetti. Il-Yacht Marina f’Għawdex, iċ-Ċentru Marittimu fix-shipbuilding u l-liċenzji tal-Casino (waħda f’Malta u oħra f’Għawdex), u l-cruise liner terminal f’Għawdex huma kollha sejħiet ta’ interess li ħarġu f’dawn l-ewwel mitt jum tal-gvern ġdid. Pożittiv li nqabad dan ir-ritmu. Wieħed jista’ jinkludi wkoll il-Global Residence Programme.

    TRAĦĦIS FIT-TARIFFI TAL-MEPA

    Wegħda oħra mwettqa mill-gvern fl-ewwel mitt jum. Imfaħħra minn bosta hekk kif dan it-traħħis jolqot b’mod pożittiv lis-setturi diversi tas-soċjetà li jmissu ma’ din l-awtorità. Min għal permess dwar xi ħaġa żgħira u min għal żvilupp ikbar.

    POŻIZZJONI DWAR IS-SIRJA

    Pożittiv il-fatt li l-Gvern Malti rrikonoxxa l-Koalizzjoni Nazzjonali tal-Oppżizzjoni Sirjana bħala l-unika rappreżentanza leġittima tal-poplu Sirjan.

    Il-Koalizzjoni Nazzjonali tal-Oppożizzjoni Sirjana tiġbor fi ħdanha gruppi li qed jopponu r-reġim ta' Bashar al-Assad. Il-Gvern Malti kien it-tnax-il stat Membru tal-Unjoni Ewropea li rrikonoxxa l-Koalizzjoni Nazzjonali tal-Oppożizzjoni Sirjana bħala l-unika rappreżentanza leġittima tal-poplu Sirjan.

    IMPENN GĦAL RIFORMA FIL-ĦABS

    Taqbilx mal-amnestija li ngħatat lill-ħabsin jew le jidher ċar li dan hu gvern li lest jindirizza l-problemi fil-ħabs. Forsi xi darba l-isem ta’ Faċilità Korretiva jkun jixraqlu. Għal dan l-impenn inpoġġu l-ħabs fit-top ten ta’ dan il-gvern. Żewġ każi oħra żgħar li juru l-impenn ta’ dan il-gvern huma ż-żjara tal-Ministru Mallia li waslet għal rapport dwar kif jaħdmu l-gwardjani tal-ħabs u l-investigazzjoni tal-prezzijiet tat-tuck shop. Tidher ħaġa żgħira imma l-qraba tal-familji fil-ħabs kienu ilhom jilmentaw kif kienu qegħdin jinselħu ħajjin minħabba l-prezzijiet għoljin. U ħaġa tal-iskantament kellha tinbidel l-amministrazzjoni tal-pajjiż biex tkun indirizzata.

    Ritratt: Ray Attard