Jaħarquha fuq bejt ta’ skola talli rrappurtat fastidju sesswali

    Għadd ta’ attivisti favur id-drittijiet tan-nies flimkien ma’ għadd kbir ta’ organizazzjonijiet oħra għad-drittijiet tal-bniedem jinsabu ixxukkjati għal aħħar. Dan wara li tfajla fil-Bangladesh ingħatat in-nar ħajja.  ll-Prim Ministru tal-Bangladesh wiegħed li se jsiru l-investigazzjonijiet neċessarji biex jinqabdu dawk li wettqu dan l-att krudili.

    It-tfajla Nusrat Jahan Rafi ingħatat in-nar fl-iskola fejn tattendi f’Bangladesh. Il-ħruq tagħha seħħ ġimagħtejn wara li hi għamlet rapport li ġiet iffastidjata sesswalment mill-kap tal-iskola tagħha.

    Nusrat, li kellha 19-il sena, kienet minn Feni, li hija belt żgħira mal-160km fin-nofsinhar ta’ Dhaka.  Kienet tattendi skola Iżlamika. Kollox seħħ fis-27 ta’ Marzu mta bagħat għaliha s-surmast tal-iskola u hu beda jmissha b’manjiera indiċenti.

    Malli ndunat x’kien qed jagħmel, l-istudenta ħarġet tiġri mill-uffiċċju. Hi rrappurtat dan bl-għan li tingħata protezzjoni. 

    Kwistjonijiet ta’ fastidju sesswali huma problema kbir għal vittmi fil-Bangladesh u dan u l-maġġornaza jagħżlu li jżommu kollox għalihom.

    Minflok ingħatat protezzjoni, wara li għamlet rapport lill-Pulizija, Nusrat spiċċat mietet martri.  Ġiet iffilmjata minn uffiċjal tal-Pulizija li umiljaha bi kliem li qalilha. Il-filmat tagħha spiċċa viral.

    Jirriżulta li fis-6 t’April, 11-il jum wara l-allegat każ, Nusrat marret l-iskola biex tagħmel l-eżamijiet tal-aħħar.  Dakinhar, studenta ħaditha fuq il-bejt bl-iskuża li kien hemm ħabiba tagħhom qed tiġi msawta.

    Minflok sabet 5 persuni lebsin il-burqa li għamlulha pressjoni biex tirtira r-rapport li għamlet fil-konfront tas-surmast.  Nusrat irrifjutat li tirtiraħ u konsegwenza t’hekk tawha n-nar.

    Jidher li l-pjan kien li l-istudenta tidher li wettqet suwiċidju, iżda fallielhom għax irnexxielha taħrab u tat il-verżjoni tal-fatti kif ġraw qabel mietet.

    Meta ttieħdet l-isptar għall-kura, ftit qabel mietet, it-tobba sabu li kellha 80% ta’ ġisimha maħruq.  Fl-10 t’April mietet u eluf attendew għall-funeral tagħha.

    Il-Pulizija arrestaw 15-il persuna, 7 minnhom allegatament involuti fil-qtil tat-tfajla.  

    Is-surmast għadu qed jinżamm arrestat, filwaqt li l-Pulizija li ffilmjaha ġie trasferit f’dipartiment ieħor.

    Il-Prim Ministru Sheikh Hasina iltaqa’ mal-familja ta’ Nusrat f’Dhaka u wiegħed li kull persuna nvoluta f’dan ir-reat se jkun qed jitressaq il-Qorti.

    Il-mewt tat-tfajla qajjem furur tant li eluf ipprotestaw biex juru rabja dwar kif qed jiġu trattati vittmi ta’ abbuż sesswali fil-Bangladesh.