Għadu qiegħed jipprova jaġixxi ta' gvern

    Fl-ewwel mitt jum il-Gvern ta’ Joseph Muscat għadu qiegħed jipprova jaġixxi ta’ Gvern. Diversi drabi aġixxa ta’ partit politiku b’mod partiġjan. F’ tal-inqas erba’ sitwazzjonijiet aġixxa b’mod diviżiv meta kellu soluzzjonijiet alternattivi li long term kienu jagħtu riżultati aħjar kemm għall-Gvern innifsu kif ukoll għall-pajjiż.

    L-ewwel: il-grad ta’ Segretarju Permanenti fil-Ministeri jeżisti biex jassigura kontinwita’ b’mod partikolari meta jkun hemm bidla tal-Gvern. It-tneħħija tal-parti l-kbira tas-Segretarji Permanenti kien żball fl-ewwel ġranet tal-Gvern li seta ġie evitat. Numru minnhom kienu ser jispiċċaw xorta matul it-18-il xahar li ġejjin, bl-eta.

    It-tieni : id-diskors li l-Gvern ħejja għall-President tar-Repubblika kien wieħed b’siltiet partiġġjani u ma għamel l-ebda ġid la lill-kariga u l-anqas lill-pajjiż. Id-diskors programmatiku tal-Gvern xorta seta jiftiehem mingħajr ma jintużaw botti partiġġjani.

    It-tielet: inevitabilment f’dawn il-mitt jum saru ħafna ħatriet. Kien hemm numru minnhom li kienu ta’ natura partiġjana, fl-istess stil tal-gvernijiet immexxija mill-PN.

    Ir-raba’: Kien ikun ahjar kieku l-ħatra tal-koordinatur tal-Konvenzjoni Kostituzzjonali saret wara konsultazzjoni mas-socjeta ċivili. Inutli nitkellmu dwar kemm hu meħtieġ li s-socjeta’ civili tkun involuta fil-process biex imbaghad tkun imposta fuqha l-hatra ta’ Franco Debono bhala koordinatur tal-Konvenzjoni Kostituzzjonali.

    Pożittivi

    Fost il-miżuri posittivi li ha l-Gvern hemm il-bidu tal-implementazzjoni tal-proposti elettorali dwar id-drittijiet tal-persuni LGBT kif ukoll il-ftehim dwar il-kawża fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem minn Joanne Cassar liema ftehim ser iwassal għat-dritt ta’ persuna transgender li tiżżewweġ.

    L-AD kienet mistiedna u aċċettat li tipparteċipa fil-Kumitat Konsultattiv li qed iħejji l-proposti konkreti għad-drittijiet tal-persuni LGBT. Ġew nominati u diġa qed jieħdu sehem Angele Deguara u Collette Farrugia Bennett biex jirrappreżentaw lill-AD.

    Fost il-miżuri pożittivi hemm ukoll id-deċiżjoni biex l–iskejjel sekondarji jkunu mħallta, subien u bniet. Pass li ser jibda fi skola waħda din is-sena u li għandu jinfirex fi skejjel oħra fis-snin li ġej.

    Negattivi

    Fost il-miżuri negattivi hemm l-inkoraġġiment tal-kaċċa fir-rebbiegħa u issa jidher li l-Gvern qed jikkunsidra li jesperimenta ukoll bl-insib minkejja li din hu pprojbit mid-Direttivi tal-Unjoni Ewropea kif ukoll ilu li skada il-perjodu transitorju dwar l-insib stabilit mit-trattat ta’ adezjoni.

    Ir-rwol ta’ membri parlamentari jidher li ser ikun iżjed barra mill-Parlament milli ġewwa. Meta l-Gvern iddeċieda li jemenda diversi liġijiet biex jagħmilha possibli illi jinħatru Membri tal-Parlament bħala membri ta’ Bordijiet u korpi stabiliti bil-liġi jidher li hu ippreokkupat biex izomm il-Membri Parlamentari okkupati u b’hekk ikollhom inqas ċans li jagħmlu x-xogħol veru tagħhom li jissorveljaw il-ħidma tal-Gvern. Kien ikun ħafna aħjar jekk tiżdied il-ħidma tal-kumitati parlamentari u b’hekk ikun iktar possibli li tiġi eżaminata fid-dettall il-ħidma tal-Gvern.

    Amnestija

    L-aħħar punt li xtaqt nikkummenta dwaru huwa dwar l-amnestija li ngħatat lill-priġunieri biex tiġi ikkommemorata l–bidla fil-Gvern. Li l-Gvern u s-soċjeta jkunu kapaċi jaħfru hu pass tajjeb. Imma kien ikun aħjar li kieku l-amnestija kienet marbuta ma’ miżuri li jgħinu iktar biex il-ħabs ikun trasformat f’faċilita’ korrettiva. Meta wieħed iqis li l-edukazzjoni fil-ħabs għadha fi stadju primittiv kif ukoll li parole għadha fuq l-ixkaffa l-amnestija iktar kienet mossa partiġjana milli kwalunkwe ħaġa oħra.

    Ritratt: Ray Attard