Ukrena ddaħħal droga fi sptar f'pakketti tal-ħelu

    Ukrena ta' 45 sena li tgħix San Pawl il-Baħar intbagħtet disa' xhur ħabs wara li nstabet ħatja li ittraffikat id-droga.

    Tetiana Ellul kienet mixlija quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li fl-14 ta' Mejju 2016 ippruvat tittraffika l-kokaina u li kellha fil-pussess tagħha din id-droga.

    Mill-provi rriżulta li hija marret l-Isptar Monte Carmeli biex iżżur lill-maħbub tagħha u minbarra ċikkulata u pakkett sigaretti għadditlu żewġ pakketti ħelu li fihom instabet il-kokaina

    Hija ammettiet għall-akkużi miġjuba kontriha bl-imsemmija maġistrat tgħid li l-azzjoni tagħha tqisu bħala traffikar ta' droga u mhux sempliċi tentattiv.

    Minbarra d-disa' xhur ħabs hija immultata wkoll €950 u ordnatilha tħallas ukoll €250 fi spejjeż tal-esperti.

    Il-każ kien investigat mill-Ispettur Frank Anthony Tabone li mexxa l-prosekuzzjoni.