Kampjonat Premier: Draw li ma kkuntenta lil ħadd

    Ritratt: Dominic Borg

    Hamrun Spartans ....1

    Balzan ........................1

    Dak li kien mistenni li jkun l-aħjar konfront fi tmiem din il-ġimgħa bejn Hamrun Spartans u Balzan naqas li jilħaq l-aspettattivi mixtieqa biż-żewġ naħat jieħdu punt kull wieħed għal riżultat li mingħajr dub­ju ma ssodisfa lil ħadd.

    Permezz ta’ dan il-punt, Hamrun telgħu waħedhom fir-raba’ post imma jridu jistennew il-logħba li Sliema Wanderers se jilagħbu llum kontra Senglea, mentri Balzan riedu jirbħu t-tliet punti biex jaqbżu lill-istess Hamrun u Sliema.

    L-ewwel taqsima kienet nieqsa ħafna mill-azzjonijiet hekk kif iż-żewġ naħat bdew isibuha ferm diffiċli jippruvaw jinfdu d-difiża avversarja.

    Kienu Balzan li ħolqu l-ewwel azzjonijiet bl-ewwel waħda tasal fit-18-il minuta meta Bezzina ttanta xortih b’xutt minn pożizzjoni angolata li għadda tul il-lasta u spiċċa barra.

    Fid-29 minuta kien Effiong li xxuttja minn barra l-kaxxa imma l-goalkeeper Bartolo salva tajjeb.

    Hamrun, li kellhom lil Triston Caruana sospiż, ħolqu l-ewwel azzjoni den­ja fis-37 minuta meta Nikolopoulos indirizza bir-ras lejn il-lasti minn corner mogħti minn Calil, imma Serrano nterċetta u biegħed il-periklu.

    Fit-tieni taqsima kienu Balzan li fetħu fuq l-attakk u minn free-kick ta’ Pisani, fil-51 minuta, Ljubomirac ixxuttja għoli mill-qrib.

    Żewġ minuti wara, Hamrun fetħu l-iskor meta Tuli­mieri dendel ballun fil-kaxxa u WILFRIED DOMORAUD bir-ras tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.

    Madankollu l-Ispartans ma tantx damu jgawdu dan il-vantaġġ għax fis-60 minuta minn corner mogħti minn Correa Duarte, kien ELKIN SERRANO VALERO li għola tajjeb biex bir-ras ukoll għeleb lil Bartolo.

    Balzan resqu qrib li jmorru fil-vantaġġ ħames minuti wara meta minn azzjoni ta’ corner, Ljubomirac indirizza bir-ras għal ġol-lasti imma Nikolopoulos ikklerja minn fuq il-linja għal corner ieħor.

    Fl-aħħar ħinijiet Hamrun għafsu xi ftit aktar għall-goal tar-rebħa u fit-88 minuta free-kick ta’ Calil ġie salvat tajjeb minn Mintoff, waqt li minuta wara rega’ kien Mintoff li salva f’zewg tentattivi xutt ferm insidjuz ta’ Domoraud.

    HAMRUN S.: 26 – Emanuel Bartolo, 5 – Enrico Pepe, 8 – Sebastian Nayar, 10 – Wilfried Domoraud, 13 – Andre’ Charles Scicluna, 14 – Conor Borg (28 – Ryan Darmanin 80), 22 – Marco Criaco, 30 – Karl Micallef, 55 – Orestis Nikolopoulos, 70 – Caetano Calil, 92 – Kevin Tulimieri  - Coach: Giovanni Tedesco

    BALZAN: 1 – Sean Mintoff, 5 – Aleksandar Kosoric (88 – Sean Cipriott 82), 8 – Nenad Sljivic, 10 – Steven Pisani, 11 – Steven Bezzina (50 – Andrija Majdevac 73), 16 – Paul Fenech, 17 – Alfred Effiong, 18 – Uros Ljubomirac, 20 – Ivan Bozovic (4 – Justin Grioli 78), 23 – Elkin Serrano Valero, 42 – Ricardo Calixto Correa Duarte  - Coach: Jacques Scerri

    REFEREE: Alan Mario Sant

    ASS. REFEREES:Edward Spiteri, Mitchell Scerri

    RABA’ UFF: Trustin Farrugia Cann

    SKORERS:W. Domoraud 53 (H), E. Serrano Valero 60 (B)

    AMMONITI:K. Micallef, K. Tulimieri, C. Borg, W. Domoraud (H), S. Pisani, N. Sljivic (B)

    PLAYER TAL-LOGĦBA: Ricardo Calixto (Balzan)