520 kilo żibel miġbura f'sagħtejn u nofs

    Il-gruppi Ocean Mysteries Diving u Sharklab Malta organizzaw tindifa fil-bajja tal-Armier. Grupp ta' 39 voluntier fosthom erbat itfal, sitt addoloxxenti u 16-il bugħaddas nieżlu fil-bajja tal-Armier kmieni filgħodu bil-għan li jnaddfu l-bajja u l-baħar minn kull ħmieġ.

    Nhar il-Ħadd li għadda dawn in-nies minflok gawdew ix-xemx, xammru l-kmiem u użaw l-enerġija tagħhom għall-għan li fl-aħħar mill-aħħar se jgawdi minnu kulħadd.

    Total ta' 520 kilo (40 borża), ta' żibel kien miġbur mill-bajja u l-baħar f'sagħtejn u nofs. Fost l-aktar affarijiet strambi li nġabru kien hemm television, boiler tal-ilma u żewġ batteriji tal-karozza li kollha tellgħu mill-baħar.

    Madwar €100 ġew mogħtija mill-voluntiera u l-pubbliku lill-The Plastic Oceans Foundation. Din hija għaqda rreġistrat fir-Renju Unit bil-għan li jipproteġu u jtejjbu l-ibħra madwar id-dinja.