Gvern li m’għandux ħin x’jaħli

    Għaddew mitt ġurnata minn meta pajjiżna vvota għall-bidla fil-Gvern. Żgur li kulħadd kellu l-ideat tiegħu dwar kif l-ewwel mitt ġurnata kienu se jkunu. Sfortunatament ħafna drabi l-mentalità partiġġjana ftit li xejn tħallina naraw l-affarijiet b’oġġettività u ħafna nies jaraw l-affarijiet minn lenti politika partiġjana. Żgur li kien hemm dawk li mmaġinaw li x’ħin ikun hemm bidla fil-gvern l-affarijiet kienu se jinbidlu għal kif riedu huma, oħrajn li kienu diġà qed jaraw il-gvern ifalli qabel biss beda jaħdem u oħrajn li huma aktar realistiċi u li stennew transizzjoni kwieta minn gvern għall-ieħor.

    Ħafna drabi tisma’ lil min jghid li l-ewwel mitt jum ta’ gvern ikunu l-honeymoon tieghu. Din id-darba ma nafx kemm tista’ tgħid li dan il-gvern kellu xi perjodu ta’ honeymoon. Żgur li t-transizzjoni minn gvern għall-ieħor ma kinitx waħda faċli.

    Li tidħol wara gvern li jkun ilu jmexxi għal 25 sena sħaħ mhux xi biċċa xogħol ħafifa. Aktar u aktar meta tiftakar f’dak li ġie rrapurtat, li l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari ma sabu xejn meta daħlu fil-Ministeri. Li minflok sabu Ministeri vojta mingħajr ma kellhom xejn li forsi jista’ jagħti ħjiel tal-ħidma li saret qabel. Ma nemminx li dan għandu jkun il-mod li mmexxu pajjiżna. Pajjiżna jeħtieġ kontinwità mhux skossi. In-nies xebgħu mill-politika tal-passat fejn l-affarijiet jitmexxew bil-pika. In-nies ivvutaw għal din il-bidla.

    Iżda, biex tbiddel ċertu mentalità li tkun ilha tinħema għal 25 sena sħaħ f’temp ta’ tliet xhur biss mhux daqshekk faċli. Ħafna nies qed jistennew li l-affarijiet jinbidlu mal-ewwel, imma nemmen li kwalunkwe gvern li jkun għadu kif daħal biex jiggverna irid jingħata ċans.

    Programm huwa mfassal fuq temp ta’ ħames snin u ma jistax isir kollox f’temp ta’ ftit jiem biss. Fl-opinjoni tiegħi meta tara x-xoghol li għamel dan il-gvern f’temp ta’ tliet xhur tirrealizza li sar ħafna xogħol. Sinjal li dan il-gvern qed juri mal-ewwel li m’għandux ħin x’jaħli.

    Minkejja dan kollu, ċertament li l-aktar ħaġa importanti għal dan il-gvern hi li jibqa’ qrib in-nies, jibqa’ jisma’ x’għandhom xi jgħidu n-nies u jindirizza l-ħtiġijiet tagħhom. Biżżejjed jitgħallem mill-iżbalji li twettqu mill-amminsitrazzjoni ta’ qablu. Dan il-gvern qiegħed jagħmel numru ta’ konsultazzjoni pubbliċi dwar diversi oqsma inkluż ir-riforma tal-ġustizzja, it-trasport pubbliku u l-MEPA fost oħrajn.

    It-tama hi li dawn il-konsultazzjonijiet pubbliċi jiġbru flimkien ir-rakomandazzjonijiet tan-nies u li s-suġġerimenti jkunu nklużi u jifformulaw il-politika tal-gvern biex din verament tirrifletti dak li jridu n-nies.

    Il-laqgħat ta’ konsultazzjoni pubblika mal-membri tal-kabinett f’Kastilja hija inizjattiva li l-elettorat u ċ-ċittadini jridu. Jekk jien ivvutajt għall-partit politiku biex ikun fil-gvern, ix-xewqa tiegħi hi li dak il-partit jagħti każ l-aspirazzjonijiet tiegħi, jagħti widen ghal dak li għandi xi ngħid u għall-affarijiet li naqbel magħhom u anke dawk li ma naqbilx.

    Bħali żgur li hawn ħafna oħrajn. Li tingħata l-opportunità tmur titkellem mal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari m’hijiex xi ħaġa li konna mdorrijin biha u għalhekk ghandha tibqa’. Wara kollox li tibqa’ qrib in-nies u tisma’ x’għandhom xi jgħidu, x’iridu u kif tista’ tagħmel il-ħajja tagħhom aħjar, għandha tkun il-ħidma ta’ kwalunkwe politiku. Il-politika għalhekk qiegħda hemm biex toffri direzzjoni u biex tindirizza l-aspirazzjonijiet tan-nies.