"Long live the Queen" - kunċert minn tribute band 'Break Free' f'Ħal Għaxaq

    Kunċert b’xejn f’Ħal Għaxaq nhar il-Ġimgha 17 ta’ Mejju

    Għaxaq Music Events ser jippreżentaw xow bl-isem ta’ Long Live the Queen imtella’ mill-grupp Break Free, tribute band li hija meqjusa bħala waħda mill-aħjar fl-Ewopa għall-mużika tal-grupp leġġendarju Queen. Dan kollu se jsir fil-grounds ta’ Ħal Għaxaq li huma sinonimi ma’ kunċerti kbar li saru matul is-snin li għaddew. Ewlenin fosthom huma l-kunċerti tal-gruppi Modern Talking u Winter Moods.

    Dan l-ispettaklu ser joffri esperjenza mill-aqwa lil dawk kollha li jattendu! Se tiġi kkreata l-atmosfera famuża tal-kunċerti kolossali li kienu jtellgħu l-grupp Queen. L-ispettaklu ta’ dawl u sound ser ikun qiegħed jikkumplimenta dan kollu biex verament ikollna kunċert mill-aqwa. L-esperjenza internazzjonali ta’ dan il-grupp qiegħda twassal biex ikun milqugħ b’entużjażmu kbir mill-pajjiżi kollha, fejn fost oħrajn tellgħu l-kunċerti tagħhom fir-Renju Unit, Spanja, l-Italja, l-Ġermanja u Franza. 

    Il-kantant ewlieni tal-grupp huwa meqjus minn bosta, bħala wieħed mill-iktar li jqarreb il-vuċi tal-leġġenda Freddie Mercury. L-ispettaklu live li joffri huwa xhieda ta’ dan. Hu studja b’reqqa kbira l-imġiba ta’ Freddie Mercury meta jkun fuq il-palk u flimkien mat-timbru tal-vuċi tiegħu, jagħmluh uniku biex joffri spettaklu simili ħafna ta’ dak li kien jitrażmetti Freddie Mercury fil-kunċerti tiegħu.

    Wara s-suċċess tal-film Bohemian Rhapsody li jittratta l-ħajja ta’ Freddie Mercury, dan il-kunċert żgur li ser joffri nostalġija mill-isbaħ lil dawk kollha li jħobbu l-mużika tal-Queen. F’dan il-kunċert ser jindaqqu l-aktar diski li għamlu success tul il-karriera tal-grupp Queen, fosthom The Show Must Go on, Bohemian Rhapsody, We are the Champions, We will rock you u Love of my Life.

    Il-kunċert ta’ mużika live ser jibda mit-8 ta’ filgħaxija ’l quddiem. Il-gruppi Vinyl Paradise u Airport Impressions ser jagħtu bidu għal dan il-kunċert li jiftaħ l-istaġun tas-sajf Malti. Pierre Cordina ser ikun qiegħed jippreżenta dan l-avveniment. L-organizzaturi ser jieħdu ħsieb jorganizzaw ukoll parking areas apposta għal dawk kollha li jattendu.

    Id-dħul għal dan il-kunċert huwa mingħajr ħlas. Però dawk kollha li ħa jattendu ser ikunu mitluba jagħtu donazzjoni b’risq Dar Bjorn. 

    Dawk kollha li jixtiequ aktar informazzjoni dwar dak kollu li ser ikun qed jiġri f’Ħal Għaxaq nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Mejju, huma mistiedna jżuru l-paġna uffiċċjali fuq Facebook bl-isem ta’ Għaxaq Music Events.

    Erġa’ għix l-esperjenza tal-leġġendarju u kun parti mill-folla ta’ dan l-avveniment!