FEATURE: Mutazzjoni rari ta' ġene tagħti tama fil-ġlieda kontra l-AIDS

    Imħabbar it-tieni każ ta’ suċċess fejn raġel bl-HIV ma baqax pożittiv għall-AIDS wara trattament bl-istem cells…

    Fl-istorja tal-HIV/AIDS, persuna waħda biss jingħad li ma baqax pożittiv għall-AIDS u dan wara li rċieva trapjant b’ġene li hu reżistenti għall-marda. Timothy Ray Brown, ċittadin Amerikan imlaqqam bħala l-“Berlin patient” kien marid bl-HIV għal aktar minn għaxar snin sakemm żewġ trapjanti tal-istem cells “neħħew” il-virus minn ġismu. 

    L-ewwel trapjanti ta’ dan it-tip saru bejn l-2007 u l-2008 fejn kienu rrapportati bħala suċċess fil-ġlieda biex xi darba tinstab kura għall-HIV/ AIDS. Issa rapporti ppubblikati f’dawn il-ġranet ħabbru li għandu mnejn li daħal fi stat ta’ remissjoni t-tieni persuna. L-istat ta’ remissjoni hu l-perjodu meta trattament ikun ħadem kontra l-marda u wara perjodu ta’ madwar 12-il sena jkun ikkonsidrat bħala kura jekk l-istess trattament imur tajjeb f’għadd ta’ każi oħra. 

    EĊĊITAMENT FIL-KAMP MEDIKU… IŻDA GĦADU KMIENI WISQ 

    Din l-aħbar tagħti tama kbira għall-ġlieda kontra din il-marda qerrieda li ħalliet aktar minn 35 miljun persuna madwar id-dinja vittma tal-AIDS mill-bidu tal-epidemija tagħha. Skont statistika mill-Ġnus Magħquda aktar minn 77 miljun persuna madwar id-dinja huma infettati bl-HIV għalkemm hu rapportat li dan in-numru fl- 2017 naqas b’47% mill-bidu tal-epidemija fl-1996. 

    Tama li tinstab kura għall- AIDS reġgħet feġġet wara li din id-darba xjenzati jemmnu li t-tieni persuna, din id-darba minn Londra, daħal f’remissjoni mill-marda wara li kien hemm riżultati pożittivi ferm meta ngħata trattament tal-istem cells. 

    Jingħad li r-raġel ma kellux traċċi tal-virus wara t-trattament iżda għadu kmieni wisq biex ikun ikkonfermat jekk il-pazjent “fieqx” jew le mill-virus li jikkawża l-AIDS. Ir-raġel, magħruf bħala l-“London patient” kien fi stat ta’ remissjoni għal 19-il xahar. 

    Il-pazjent Timothy Brown kien fi stat ta’ remissjoni għaxar snin ilu wara li ngħata trattament simili iżda attentati biex jinkisbu l-istess riżultati s’issa kienu fallew. 

    Il-pazjent minn Londra ngħata trattament ta’ stem cells minn donatur li kellu mutazzjoni rari fil-ġene tiegħu “CCR5” fejn irriżulta li din il-mutazzjoni (bidla) kienet relatata mar-reżistenza kontra l-virus tal-HIV. Huwa waqaf jieħu l-pilloli ta’ trattament antiretroviral 19-il xahar ilu u ma kellu ebda problemi bil-virus. Dawn ir-riżultati ġibdu l-attenzjoni tad-direttur tal-Istitut Peter Doherty tal-Infezzjonijiet u Immunità, il-Professur Sharon Lewin, li ddeskriviethom bħala “impresjonanti”. 

    Hija qalet li wara għaxar snin mill-każ ta’ suċċess tal-“Berlin patient” jikkonferma li trapjant tal-mudullun minn donatur ta’ CCR5-negative, jista’ jelimina traċċi tal-virus u jwaqqaf milli dawn it-traċċi jerġgħu jittfaċċaw snin wara. 

    L-esperti huma eċċitati ħafna b’dawn ir-riżultati iżda ma kkummentawx jekk għadx ikun possibbli li jiġi replikat “dan ir-remedju” għall-miljuni ta’ nies madwar id-dinja li huma infettati bl-HIV. 

    IMMUNITÀ KONTRA L-VIRUS TAL-HIV 

    Bħal Brown, il-pazjent il-ġdid kellhu kanċer u ngħata t-trattament kontra l-kanċer li kien jinvolvi kimoterapija biex ineħħulu s-sistema immunitarja u jagħmlu oħra flokha permezz ta’ trapjant tal-istem cell mingħand donatur. Fiż-żewġ każi ċ-ċelloli tad-donatur kellhom benefiċċju miżdud u dan kien mutazzjoni tal-ġene li twassal għal immunità kontra l-virus tal-HIV. 

    F’Settembru tal-2017, 16-il xahar wara li f’Mejju tal-2016 sar it-trapjant f’Londra, il-pazjent waqqaf il-pilloli antiretroviral u xorta waħda rriżulta fin-negattiv għall-virus u s’issa baqa’ bla HIV. 

    Minn mindu seħħ is-suċċess fil-każ ta’ Brown, it-tobba pprovaw kemm-il darba jagħmlu l-istess proċedura fuq għadd ta’ pazjenti oħra infettati bl-HIV iżda t-trattamenti ma ħadmux, jew il-pazjenti laħqu mietu bil-kanċer jew kien hemm komplikazzjonijiet bit-trapjant. Fil-fatt ħafna baqgħu mħawdin għala ma setax ikun hemm suċċess ieħor wara l-każ ta’ Brown. 

    Issa li r-riżultat ta’ suċċess seħħ anke fuq pazjent ieħor hemm aktar evidenza li l-“Berlin patient” ma kienx eċezzjoni waħda. 

    PROGRESSI SARU GĦAD IRID ISIRU… 

    F’dawn l-aħħar 35 sena minn meta feġġ għall-ewwel darba l-HIV u nfirex mad-dinja bil-konsegwenza li qatel miljuni ta’ nies, it-tobba u r-riċerkaturi għamlu progressi kbar kontra l-virus. Huma waslu għal mezzi effiċjenti ta’ kif persuni jistgħu jagħmlu t-testijiet u jingħataw riżultat f’qasir żmien u sabu trattament effettivi għal dawk morda bl-HIV tant li qegħdin jgħixu aktar u b’mod san. 

    Uffiċjali tas-saħħa pubblika għamlu wkoll għadd ta’ kampanji edukattivi dwar il-prevenzjoni billi jsir aktar użu ta’ kondoms u jagħmlu t-testijiet regolari. Minbarra hekk l-istess kampanji għallmu lin-nies li meta jittieħed it-trattament tal-HIV minn kmien, dan iwassal biex ikunu salvati aktar ħajjiet. 

    Rapporti qalu li l-ħidma biex tinstab il-kura għal din il-marda għadha ‘l bogħod u l-istorja ta’ dan il-virus hi mimlija b’każi fejn l-infezzjonijiet fil-pazjenti kienu “marru” iżda rritornaw ftit xhur wara. Kien proprju għalhekk li d-direttur tal-Istitut Nazzjonali tal-Allerġiji u Mard Infettiv, Anthony Fauci, wissa biex inkunu kawti dwar dawn ir-riżultati ġodda li nkisbu. Huwa qal li, “huwa verament importanti li nistennew li jgħaddi aktar żmien ħalli naraw jekk dan huwiex verament it-tieni każ ta’ suċċess kontra l-marda tal-AIDS.” 

    Esperti oħra kienu inqas xettiċi fejn f’intervisti qalu li t-tieni pazjent kien “fieq” u dan minkejja li ma kienx hemm qbil bejn it-tobba stess dwar xi jfisser verament “fejqan” mill-HIV. Dan minħabba li kien hemm persuna oħra biss li kienet “tnaddfet” mill-virus. Għal issa dan l-istudju joffri xaqq ta’ tama u li jista’ jkun li aktar ’il quddiem tinstab kura u li approċċi ġodda biex ikun trattat il-virus tal-HIV jistgħu jkunu effettivi.

    Statistika u fatti tal-HIV u AIDS fl-2017 

    Il-Ministeru tas-Saħħa qal lil dan il-ġurnal li f’Malta fl-2017 kien hemm 45 każi ġodda tal-virus tal- HIV u li ma kien hemm ebda każ ġdid tal-AIDS. Stħarriġ mondjali mill-UNAIDS juri li: 

    • 36.9 miljun persuna madwar id-dinja kienu qegħdin jgħixu bl- HIV (35.1 miljun adulti u 1.8 tfal taħt il-15-il sena); 
    • 21.7 miljun persuna kienu qegħdin jieħdu t-terapija antiretroviral; 
    • 1.8 miljun persuna ġdida kienu rreġistrati li ġew infettati bl-HIV; 
    • Aktar minn 9 miljun persuna ma kienux jafu li għandhom l-HIV; 
    • 940,000 persuna mietu kawża ta’ mard relatat mal-AIDS; 
    • 77.3 miljun persuna kienu nfettati bl-HIV mill-bidu tal-epidemi-ja;
    • 35.4 miljun persuna mietu minn mard relatat mal-AIDS mill-bidu tal-epidemija. 

    Fl-2017, 21.7 miljun persuna li kienu qegħdin jgħixu bl-HIV (59%) kellhom aċċess għal terapija antiretroviral, żieda ta’ 2.3 miljun mill- 2016 u 8 miljun mill-2010. Fl-istess sena 80% ta’ nisa tqal li kellhom l- HIV kellhom aċċess għall-mediċini antiretroviral biex jevitaw li jgħaddu l-HIV lit-trabi tagħhom. 

    Kien hemm tnaqqis ta’ infezzjonijiet ġodda tal-HIV b’47% minn mindu feġġgħet din l-epidemija fl- 1996. Fl-2017 kien hemm 1.8 miljun każi ġodda ta’ infezzjonijiet bl-HIV, meta mqabbel mat-3.4 miljuni fl- 1996. Mill-2010 infezzjonijiet ġodda tal-HIV fost l-adulti naqas b’madwar 16%. 

    L-AKBAR RISKJI TA’ INFEZZJONI BL-HIV HUMA: 

    • 27 darba aktar fost irġiel li jagħmlu sess ma’ raġel ieħor; 
    • 23 darba aktar fost persuni li jieħdu injezzjonijiet tad-droga; 
    • 13-il darba aktar għal nisa li jaħdmu għas-sess (sex workers); 
    • 13-il darba għola għal nisa transgender. 

    Ta’ kull ġimgħa madwar 7,000 tfajliet bl-etajiet ta’ bejn il-15 u l-24 sena huma infettati bl-HIV. Fl- Afrika kull tliet każi minn erbgħa ta’ infezzjonijiet ġodda fost l-adoloxxenti bejn il-15 u d-19-il sena huma bniet. Nisa bl-etajiet ta’ bejn il-15 u l-24 sena huma f’riskju doppju li jgħixu bl-HIV milli l-irġiel. 

    Aktar minn terz tan-nisa madwar id-dinja esperjenzaw xi tip ta’ vjolenza fiżika jew/u abbużi sesswali xi darba f’ħajjithom. F’xi reġjuni nisa li esperjenzaw vjolenza huma f’periklu akbar li jkunu infettati bl- HIV.