45 immigrant jegħrqu waqt li jipprovaw jaqsmu l-Mediterran lejn Spanja

    Ħamsa u erbgħin immigrant huma rapportati li mietu waqt li kienu qed jaqsmu l-Mediterran lejn Spanja. Attivist Spanjol saħaq li fosthom kien hemm anke nisa tqal. Il-midja Marokkina rrapportat li mill-inqas 21 immigrant ieħor ġew salvati.

    Helena Maleno, li tmexxi l-grupp “Walking Borders”, qalet li ċ-ċifri tal-vittmi kienu bbażati fuq ix-xhieda ta’ seba’ nisa li ġew salvati.

    “Ix-xhieda qaluli li fuq id-dgħajsa kien hemm 13-il mara, li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu tqal,” saħqet Maleno. “Kien hemm ukoll tifla żgħira, li kellha bejn 12 u 14-il sena, li wkoll għerqet fit-traġedja.”

    L-informazzjoni ma kinitx immedjatament ikkonferamta mill-Marokk. Uffiċjal Marokkin qal li l-Marittima tal-pajjiż salvat mill-inqas 21 persuna. Uffiċjal Marokkin saħaq li rkupraw katavru, madankollu qal li ma kellux informazzjoni dwar it-total tal-vittmi.