Imnedija l-aħħar fażi tal-iskema tar-rifużjoni tat-taxxa fuq ir-reġistrazzjoni tal-vetturi

    Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg, flimkien mal-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna nedew għal darb’ oħra l-iskema tar-rifużjoni tat-taxxa żejda li ġiet imħallsa fuq ir-reġistrazzjoni tal-vetturi. F’din l-aħħar fażi, li qegħda titratta vetturi li ġew rreġistrati bejn l-2004 u l-2008, madwar 6,300 persuna għandhom jingħataw total ta’ €4.9 miljun, biex b’hekk, matul dawn l-aħħar ħames snin, il-Gvern se jkun radd lura b’total ta’ €23.6 miljun għal kważi 29,000 vettura.

    Il-Ministru Borġ tenna kif din l-iskema kienet konferma oħra ta’ “l-impenn kbir u b’saħħtu li għandu l-Gvern biex iwettaq dak li jwiegħed, u jqassam is-suċċess man-nies. Din is-sena, se nkunu qegħdin darba għal dejjem nagħlqu l-kapitlu fuq inġustizzja li saret fil-passat.”

    “Niftakru li dawn huma flus li qed jibqgħu fi bwiet iż-żgħażagħ u l-familji tagħna, u hekk nab’raw kif dan il-Gvern impenjat li jara li s-suċċessi li pajjiżna qiegħed igawdi minnhom, jitgawdew minn min jistħoqqlu – mill-poplu Malti u Għawdxi. Fuq kollox, naraw kif għandna Gvern li qiegħed jaħdem b’qatigħ fuq kull livell, fuq kull qasam.”

    Intant, il-Ministru Scicluna saħaq kif kien huwa ta’ gost għall-Gvern li, “sitt snin wara li nedejna għall-ewwel darba din l-iskema, wasalna fl-aħħar stadju. Pero, biex dan il-Gvern irnexxielu jwettaq din il-wegħed, kellu jistinka u jaħdem biex jassigura t-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna.”

    “Bis-saħħa ta’ dawn il-miżuri u oħrajn bħalhom, l-ekonomija Maltija mill-2013 sal-2018 kibret b’medja ta’ 7.1% kull sena. Din hija qaża kbira, meta tqabbel din ir-rata ma’ medja ta’ 2.1% tkabbir ekonomiku fis-snin ta’ bejn l-2007 u l-2012. Miżuri bħal din turi fejn qiegħed imur il-ġid li qiegħed jinħalaq: Permezz tagħha, il-ġid li qiegħed jinħalaq minn dan il-Gvern qiegħed idur fil-bwiet tan-nies.”

    Ritratt: Roger Azzopardi