Aġġornata: Jinżamm arrestat wara li ġie mixli b’26 każ ta’ serq u frodi

    Matthew Camilleri ta’ 32 sena mill-Gżira tressaq il-Qorti mixli b’xejn inqas 26 akkuża relatati ma’ serq u frodi li allegatament seħħew bejn Ottubru 2018 u Frar 2019.

    Kien frott ħidma intensiva mill-Pulizija mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, flimkien mal-Pulizija mill-Għassa ta’ Tas-Sliema, li wasslet għall-arrest tar-raġel u jitressaq quddiem il-Qorti.

    Camilleri kien mixli li seraq minn diversi ħwienet u uffiċini li jinsabu f’San Ġwann, in-Naxxar, il-Mosta, Ta’ Xbiex, San Ġiljan, is-Swieqi, il-Gżira, Tas-Sliema, Birkirkara, Raħal Ġdid, Wied il-Għajn.

    Fost l-oġġetti misruqa kien hemm ammont ta’ flus kontanti, cheque books, laptops, go pro camera, top-up cards, sistema ta’ CCTV, mobile phone, CCTV decoder u anke ġojjellerija.

    L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih iżda baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu. 

    Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Saviour Baldacchino, Joseph Mercieca u Colin Sheldon. 

    Qabel: Ħidma mill-Pulizija mid-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali, flimkien mal-Pulizija mill-Għassa tas-Sliema, wasslet sabiex aktar tard illum ser jiġi mressaq taħt arrest persuna ta’ nazzjonalita’ Maltija u ser jiġi akkużat quddiem il-Maġistrat Dr. A Demicoli LL.D b’sensiela ta’ serq.

    Fi stqarrija maħruġa mill-Pulizija ntqal li l-akkużat se jitressaq akkużat b'serq minn ħwienet u uffiċini mill-Mosta, Sliema, Ta’Xbiex, San ġiljan, B’Kara, Gżira, Marsaskala, Raħal ġdid u San ġwann.