LifeCycle tqassam vowċers għal għajnuna psikoloġika lill-pazjenti morda bil-kliewi

    Il-Fondazzjoni LifeCycle (Malta) u t-Taqsima tal-Kliewi bdew inizjattiva bl-isem R.U.S.H. - Renal Unit Support Health Hub. LifeCycle-R.U.S.H. qed toffri appoġġ psikoloġiku bla ħlas lill-pazjenti attwali li jbatu minn problemi fil-kliewi, kif ukoll kemm lil pazjenti li jirċievu trapjant tal-kliewi u kif ukoll lid-donaturi tal-kliewi.

    Madwar 300 pazjent tal-kliewi li qed jirċievu kura fuq il-magni għall-emodijalisi (haemodialysis) jew inkella trapjant ta’ kilwa, se jibbenefikaw minn din l-iskema ta’ vawċers tal-LifeCycle-R.U.S.H.  Minn issa, pazjenti tal-kliewi li jixtiequ jkollhom għajnuna psikoloġika se jingħataw vawċer mit-Taqsima tal-Kliewi fl-Isptar Mater Dei.

    B’dan il-vawċer, il-pazjent hu intolat għal sessjoni ta’ terapija bla ħlas ma’ wieħed mill-ħames psikologi elenkati mill-Kamra tal-Psikologi ta’ Malta (MCP) f’din l-iskema.  Wara jagħmel appuntament mal-psikologu, il-pazjent jieħu l-vawċer miegħu meta jmur għall-viżta. Il-ħlas lil psikologi jsir mill-fondi miġbura tal-Fondazzjoni LifeCycle.
     

    “Mill-esperjenza li ksibna, ħafna pazjenti tal-kliewi isibu ruħħom kompletament mitlufin dwar kif jistgħu jaddattaw ħajjithom. Minbarra l-appoġġ tant iddedikat li jirċievu fit-Taqsima tal-Kliewi, ikun jeħtieġ li jkunu mħejjija mentalment għall-bidliet li jħabbtu wiċċhom magħhom fl-istadji ta’ din il-marda,” qal Alan Curry.

    “Dan il-proġett ilu fi ħsiebna għal xi żmien, iżda ma kellniex il-fondi meħtieġa. Wara diskussjonijiet mal-Konsulent Ewlieni u Kap Tat-Taqsima tal-Kliewi l-Professur Emmanuel Farrugia u l-infermiera nfushom, illum ninsabu f'qagħda li ngħinu lil dawn il-pazjenti biex ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar minkejja l-isfidi ta' kuljum,” żied Alan Curry.

    It-Taqsima tal-Kliewi tipprovdi trattament tad-dijalisi għal madwar 300 pazjent. Tipprovdi ukoll servizzi ta’ koordinazzjoni għal trapjanti u appoġġ lill-pazjenti u lill-membri tal-familja tagħhom.

    “B’mod regolari, dawn il-pazjenti jiffaċċjaw sfidi biex iżommu l-impjieg tagħhom, ikollhom flessibilità finanzjarja, fil-ħajja soċjali, kif ukoll fl-ikel u l-konsum tal-likwidu tagħhom. L-adattament tal-istil tal-ħajja tagħhom għat-trattament tad-dijalisi hu diffiċli. Għalhekk l-għajnuna tal-psikoloġija hi essenzjali waqt il-kura tagħhom,” qal Paul Calleja, l-Infermier Inkarigat mit-Taqsima tal-Kliewi.

    “Il-Kamra tal-Psikologi ta’ Malta qed tikkollabora b’sodisfazzjon mal-Fondazzjoni LifeCycle fuq din l-inizjattiva permezz tal-appoġġ mill-membri tagħha. Bħala Kamra nħossu li l-għan ta’ dan il-proġett se jkun ta’ servizz meħtieġ ħafna minn dawn il-klijenti partikolari,” qalet Elaine Schembri Lia, Clinical Psychologist u Family Therapist, u Membru fil-Kunsill tal-MCP.

    Għal dawn l-aħħar 20 sena, il-Fondazzjoni LifeCycle ġabret flus biex jinxtara apparat ħalli jgħin lil persuni li jbatu minn problemi fil-kliewi, filwaqt li qed tkompli żżid l-għarfien dwar il-ħtieġa ta’ organi għal trapjanti f’Malta.

    Il-Fondazzjoni LifeCycle dan l-aħħar ħabbret sponsorship ta’ sentejn man-Nescafé 3in1. L-isfida Nescafé 3in1 LifeCycle Challenge 2019 se tieħu lill-parteċipanti għall-sfida iebsa fl-Asja t’Isfel. Iċ-ċiklisti se jaqdfu fuq rotta ta’ 2,000 kilometru. Jibdew mill-Vjetnam, jgħaddu minn Laos u l-Kambodja, u jispiċċaw fil-belt ta’ Hoi Chi Minh fil-Vjetnam.

    Donazzjonijiet għan-Nescafé 3in1 LifeCycle Challenge 2019 jistgħu jintbagħtu permezz ta’ sms: 5061 7370 = €2.33; 5061 8920 = €6.99; 5061 9229 = €11.65; jew permezz ta’ telefonata fuq 5160 2020 = €10, 5170 2005 = €15; u 5180 2006 = €25. Dettalji tal-bank huma kodiċi Swift VALLMTMT, numru IBAN MT 18 VALL 22013000000014814521017, isem tal-bank Bank of Valletta, numru tal-kont 14814521017.

    Għal aktar tagħrif jew biex tagħmel għotja lil LifeCycle Challenge 2019 żur is-sit: https://www.facebook.com/LifeCycleChallenge/