37 sejħa għall-assistenza f’jum mill-aktar impenjattiv

    Iż-żewġ każijiet ta’ ħruq, wieħed f’lukanda u l-ieħor f’maħżen tal-Karnival, ma kinux l-uniċi żewġ inċidenti li fuqhom issejħu l-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili. 

    L-irjiħat qawwija li ħakmu l-Gżejjer Maltin matul il-jum tat-Tlieta kkawżaw ukoll numru ta’ ħsarat f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex li minħabba fihom kellhom jissejħu l-istess uffiċjali.

    Dan il-ġurnal jinsab infurmat li f’dan il-jum impenjattiv kien hemm xejn inqas minn 33 sejħa għall-assistenza minħabba ħsarat ikkawżati mill-irwiefen u erba’ sejħiet oħra minħabba nirien.

    Il-ħidma tal-Protezzjoni Ċivili f’dan il-jum kienet tinkludi fost oħrajn it-tneħħija ta’ karozza minn mal-moll taċ-Ċirkewwa li kienet qed tinġarr fil-baħar waqt li l-uffiċjali assistew ukoll fuq tliet billboards kbar, tliet banners, erba’ arbli tad-dawl li tgħawġu, tliet settijiet ta’ solar panels, solar water heater, erba’ sinjali tat-traffiku, aerial tat-televiżjoni u 14-il siġra jew friegħi tas-siġar.

    Għalkemm issejħu wkoll fuq żewġ siti li fihom ammont ta’ skart ħa n-nar, l-ikbar żewġ każijiet ta’ nirien kienu dawk fil-lukanda Qawra Palace fejn it-turisti u l-ħaddiema kollha kellhom jinħarġu ‘l barra mil-lukanda u dawk li ħakmu wieħed mill-imħażen li kienu qed jintużaw għall-bini u ż-żamma tal-Karrijiet tal-Karnival fil-Marsa.

    F’din tal-aħħar, l-operazzjoni kienet tinvolvi xejn inqas minn ħames vetturi tat-tifi tan-nar li marru fuq il-post biex jikkontrollaw in-nirien. B’xorti tajba ma weġġa’ ħadd f’dan l-inċident iżda għas-sid tal-maħżen u l-kollegi tiegħu dan kien bħal “dalma kerha” fejn tilfu ammont kbir ta’ materjal miġbur matul is-snin u li kien jinħażen minn sena għall-oħra biex jinbnew il-karrijiet.

    Mill-banda l-oħra, n-nirien fil-lukanda Qawra Palace jidher li żviluppaw miż-żona fejn hemm is-sawna. Mal-25 persuna kellhom jingħataw il-kura fuq il-post minħabba xi dħaħan li kienu belgħu.