Il-PN jiddefendi Alġerin li żżewweġ għall-konvenjenza... Julia Farrugia Portelli tiżvela dan fil-Parlament u takkuża lil Jason Azzopardi b'gideb

    Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni ta' Proċessi Amministrattivi Julia Farrugia Portelli żvelat kif l-Alġerin li l-PN qed jgħid li se titneħħielu ċ-ċittadinanza għax huwa 'whistleblower' fil-fatt tista' titteħidlu għax kien iżżewweġ Maltija biex jikseb l-istess ċittadinanza.

    Kien waqt is-seduta parlamentari ta' nhar it-Tlieta li d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi allega li l-persuna li kixfet ir-'racket' dwar il-ħruġ ta' visas lil persuni mill-Alġerija kellha ċ-ċittadinanza revokata minn Identity Malta.

    Huwa qal li dan il-'whistleblower', Alex Fezuin, irċieva ittra fit-8 ta' Marzu li għadda fejn kien infurmat li ma kienx għadu ċittadin ta' Malta kif kien għal dawn l-aħħar 17-il sena.

    Id-deputat Nazzjonalista sostna li b'dan l-aġir il-Gvern kien wettaq l-agħar reat kriminali li stat sekulari jista' jagħmel jiġifieri li jieħu ċ-ċittadinanza mingħand xi ħadd.

    Farrugia Portelli, li taħtha taqa' Identity Malta, irribattiet billi iddeskriviet dak li qal Azzopardi bħala falsita u gideb waqt li akkużatu li żgwida lill-Parlament u talbitu jirtira dak li allega.

    Hija irreferiet għal deċiżjoni tal-Qorti fejn minnha jirriżulta li l-istess raġel kien instab li iżżewweġ Maltija biex jieħu ċ-ċittadinanza Maltija u wara rnexxielu jikseb ukoll liċenzja biex jagħmilha ta' gwida tat-turisti.

    Farrugia Portelli staqsiet għaliex il-Gvern Nazzjonalista baqa' ma ħax passi fil-konfront ta' Fezuin dwar dan u spjegat kif id-deċiżjoni li tinħareġ l-ittra biex titteħidlu l-liċenzja ttieħdet wara parir legali.

    Fl-istess waqt li qalet li l-istess ħaġa saret fil-konfront ta' persuni oħra u mhux tiegħu biss, Farrugia Portelli għamlitha ċara li huwa għandu dritt bil-liġi li fi żmien 21 jum jappella mid-deċiżjoni ta' Identity Malta.

    Hija staqsiet ukoll lil Azzopardi biex jiċċekkja ma' membru ieħor tal-Oppożizzjoni li miegħu kien jaħdem Fezuin biex jgħidlu għaliex “spiċċa bil-banda” miegħu.

    Waqt li nsistiet li l-Gvern Nazzjonalista kellu rapport dwar dan l-individwu u ma ħax passi dwaru talli kiseb iċ-ċittadinanza b'qerq, hija nsistiet li dak li ma għamilx l-istess gvern 21 sena ilu issa se jkun qed iwettqu dan il-gvern.

    Ebda ħaddiem fis-Servizz Pubbliku b'paga minima

    Ma hemm ebda impjegat fis-Servizz Pubbliku li huwa mħallas bil-paga minima.

    Hekk iddikjara l-Prim Ministru Joseph Muscat għal mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo.

    Bartolo ried ikun jaf kemm hawn ħaddiema f'pajjiżna bil-paga minima bil-Prim Ministru jirrispondi li kellu jagħmel id-domanda lill-ministru responsabbli.

    Fl-istess waqt żgurah li ma hemm ebda ħaddiem tal-Gvern li qed jitħallas bil-paga minima.

    Sitt xhur stennija għal intervent fl-isptarijiet

    Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne irrimarka fil-Parlament li l-maġġoranza assoluta tal-pazjenti fuq il-lista ta' stennija fl-Isptar Mater Dei u dak t'Għawdex hija ta' inqas minn sitt xhur.

    Huwa kien qed iwieġeb għal domanda tad-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo li xtaq ikun jaf dwar id-dewmien biex pazjent isirlu intervent jew operazzjoni.

    Il-Ministru għas-Saħħa żied iwieġbu li 64% tal-pazjenti f'Mater Dei u 75% ta' dawk fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex ilhom inqas minn sitt xhur jistennew għal intervent.

    1,891 'single mother' fuq l-għajnuna soċjali

    Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta Soċjali Michael Falzon qal fil-Parlament li fil-preżent hawn 1,891 'single mother' li qed jirċievu l-għajnuna soċjali għat-3,023 tifel u tifla li għandhom.

    Waqt li kien qed iwieġeb domanda tad-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo huwa spjega kif dawn jikkonsistu f'1,076 omm li għandhom wild wieħed; 591 li għandhom żewġt itfal; 154 li għandhom tlieta; 49 li għandhom erbat itfal; 19 li għandhom ħamest itfal kull waħda u tnejn li għandhom sitt itfal.

    Falzon żied li għalkemm id-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali ma jistax jgħid kemm hawn 'single mothers' reġistrati, in-numru ta' dawk li jibbenefikaw mill-'allowance' tat-tfal huwa ta' 5,275.

    Kull student sas-sekondarja jiswa €4,987

    Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo qal li l-ispiża għal kull student fl-iskejjel primarji u sekondarji matul l-2018 kienet ta' €4,987.

    Huwa kien qed iwieġeb għal mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo li xtaq ikun jaf kemm hija l-ispiża fuq kull student għal kull ġurnata li jattendi skola tal-Istat.

    Bartolo iċċara li l-ispiża tinkludi l-pagi tal-għalliema, tal-LSEs u servizzi ta' appoġġ, superviżjoni, trasport, kotba u fondi għall-operat tal-iskejjel.

    1,955 rapport lill-Pulizija fuq persuni b'insanità

    Bejn l-2013 u Frar ta' din is-sena l-Pulizija intervjeniet fuq 1,955 każ ta' persuni bi problemi ta' insanita.

    Kien l-eks-Kap tal-PN Simon Busuttil li talab lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurta Nazzjonali Michael Farrugia  jgħid kemm kien hemm każijiet fejn il-Pulizija kienet involuta biex persuna tiġi arrestata f'darha u tittieħed l-Isptar Monte Carmeli.

    Huwa għamel din il-mistoqsija wara li fuq il-media soċjali deher filmat li ġibed eks-pulizija fejn fih jidhru numru ta' pulizija f'daru li ntalbu minn familjari tiegħu biex jintervjenu qabel ittieħed fl-isptar mentali.

    Farrugia semma kif fl-aħħar snin kien hemm 250 rapport fl-2013, 319 fl-2014, 294 fl-2015, 373 fl-2016, 336 fl-2017, 341 fl-2018 u 42 din is-sena sas-27 ta' Frar li għadda.

    Huwa żied li waqt li bejn l-2014 u l-2018 kien hemm 1,663 każ, bejn l-2008 u l-2013 kienu rappurtati 1,591 każ.

    Ebda ħottaba f'Malta dwar il-kawżi

    Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li ma hemm ebda ħottaba reġistrati mal-Qorti tal-Maġistrati.

    Kien id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina li staqsih biex ipoġġi fil-Parlament lista ta' persuni li għamluha jew ippruvaw jagħmluha ta' ħottaba jew li mingħajr jedd taw pariri lil persuni li jkunu f'kawża jew beħsiebhom jidħlu f'waħda.

    21 serqa minn knejjes fl-2018

    Matul is-sena li għaddiet il-Pulizija rċeviet 21 rapport dwar serqiet minn knejjes.

    Kien il-Ministru għall-Intern u s-Sigurta Nazzjonali Michael Farrugia li ta din l-informazzjoni fil-Parlament għal mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina.

    Farrugia qal li s-serq kien jinkludi oġġetti proprjeta tal-Knisja u oħra ta' viżitaturi u ħames każijiet ġew solvuti u tressqu persuni fil-Qorti.