Malta l-ewwel pajjiż fl-UE bi strateġija nazzjonali għall-ħiliet diġitali

    Il-Gvern nieda l-iStrateġija Nazzjonali għall-Ħiliet Diġitali, li għandha l-għan li tikkumplimenta inizjattivi kemm f’livell lokali kif ukoll f’livell Ewropew. Dan biex tiġi indirizzata l-ħtieġa għal ħiliet diġitali eżistenti u dawk ġodda li hemm bżonn għal kważi l-impjiegi kollha f’tul ta’ żmien medju. B’hekk, Malta issa saret l-ewwel stat membru fl-UE li għandha strateġija nazzjonali speċifika u koerenti dwar il-ħiliet diġitali. 

    Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjari, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri spjega kif din l-istrateġija hija msejsa fuq erba’ pilastri ewlenin li huma: il-karriera professjonali fit-teknoloġija tal-informatika, is-sistema edukattiva, l-industrija lokali u ċ-ċittadini fi ħdan is-soċjetà.

    Huwa qal li, “bħala Gvern qed naħdmu kontinwament biex il-ġenerazzjonijiet futuri tagħna jkunu mgħammra bil-kapaċitajiet meħtieġa biex mhux biss jilħqu livelli aċċettabbli ta’ kompetenza f’din l-era teknoloġika ġdida, iżda wkoll teċċella fi ħdan l-istess sfera.”

    Is-Segretarju Parlamentari Schembri żied jgħid li l-investiment fil-kapital uman u t-titjib tal-ħiliet diġitali huma essenzjali għall-benesseri tal-ekonomija tal-pajjiż. Huwa qal li sentejn ilu, it-total ta’ ħaddiema involuti direttament fis-settur tal-IT kien dak ta’ 7,380 fuq bażi full time, b’91% jkunu fis-settur privat u l-kumplament fis-settur pubbliku. 

    Li hu ta’ tħassib u għandu jiġi indirizzat, kompla jgħid is-Segretarju Parlamentari, huwa n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tan-nisa fl-era diġitali. Huwa stmat li kieku aktar nisa kellhom jidħlu fl-impjiegi diġitali, kull sena jinħoloq GDP ta’ €16-il biljun fl-ekonomija Ewropea.

    “Għalkemm bħala pajjiż qegħdin nadottaw dejjem iżjed strateġiji teknoloġiċi ġodda bħalma huma l-Intelliġenza Artifiċjali u l-Blockchain, xorta għad hemm nuqqas f’dak li jirrigwardja l-inklużjoni u l-promozzjoni tan-nisa f’dan is-settur. Iffaċċjati b’dan ix-xenarju, irridu nidentifikaw x’inhu jżomm lin-nisa milli jsegwu karriera f’dan is-settur futuristiku,” tenna s-Segretarju Parlamentari Schembri.