Studju Malti jindika rabta bejn id-divorzju u l-abbandun tal-istudji qabel iż-żmien

    Id-divorzju huwa wieħed mill-aktar kontributuri sinjifikanti biex studenti jiddeċiedu li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien. Dan irriżulta minn studju ġdid li sar mill-Osservatorju Nazzjonali għall-Għajxien b'Dinjità fi ħdan il-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà.

    L-istudju juri li l-esperjenza tal-istudenti meta jkunu d-dar kienet waħda mill-fatturi li ħalliet impatt fid-deċiżjoni tagħhom li jabbandunaw l-istudji mingħajr il-kwalifiċi meħtieġa.

    Il-Professur Carmel Borg, min ħdan l-Osservatorju, saħaq li “d-divorzju jista jwassal għal trawma emozzjonali mill-aktar profonda u tħalli impatt kbir fuq tfal, b’mod partikolari dawk li f’kuntest soċjo-ekonomiku baxx.”

    Huwa tenna li “tfal li jgħixu f’familji fejn il-ġenituri jkunu ddivorzjati ħafna drabi jispiċċaw f’sitwazzjoni li twassalhom biex jabbandunaw l-istudji qabel il-waqt.”

    L-istudju, li tmexxa mill-Professur Milosh Raykov, isegwi l-istħarriġ li kien ippubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li juri li minkejja li fl-2017 ir-rata ta’ studenti li abbandunaw l-istudji tagħhom niżel għal 17.7% mill-20.3% irreġistrat fl-2014, dan xorta waħda huwa ’l bogħod mill-mira ta’ 10% għas-sena li ġejja.