“Bla saħħa llum għax kieku t-tlieta neħodomlok it-tfal” - Foster carer lil omm naturali

    Hekk kif fil-Parlament kompliet għaddejja id-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Minuri, tqajmu każijiet mill-aktar xokkanti ta’ każijiet li seħħew f’dan il-qasam. Wieħed mill-każi kien fejn foster carer qalet lil omm naturali li ‘bla saħħa llum għax kieku it-tlieta neħodomlok it-tfal’.

    Issemma’ wkoll każ ieħor fejn ingħad li s-social contract fi żmien Gvern Nazzjonalista kienet tintuża bħala għodda politika biex ikun evitat care order. Issemma’  każ fejn raġel b’fedina kriminali, qiegħed ma’ mara u dan joħroġ tqila kemm lill-partner tiegħu u lil bintha taħt l-età, bis-social workers jinsistu u jitolbu bil-ħniena lill-Ministeru biex toħroġ il-care order u din tibqa’ ma toħroġx.

    Dawn il-każijiet ġew żvelati fil-Parlament mid-Deputat Laburista Glenn Bedingfield. Hu beda d-diskors tiegħu billi qal li “min naħa tal-Oppożizzjoni qed nisimgħu il-ħin kollu, kemm fuq dan l-abbozz u kemm fuq abbozzi oħra, ejja ma nagħmlux minn din il-liġi u minn dik il-liġi ballun politiku. Għall-Oppożizzjoni li ħaġa ma ssirx ballun politiku ifisser biss li l-Gvern jagħmel dak li tiddetta l-Oppożizzjoni. Qed ngħid dan għax l-Oppożizzjoni waslet f’dan l-istat bħala riżultat tal-imġieba tagħha fil-Gvern fejn kienet timponi dak li trid hi fuq kollox u fuq kulħadd. Anki meta kellha maġġoranza popolari minima ta’ 1,500 vot biss. U issa l-Oppożizzjoni tal-PN trid tilgħabha tal-ħaruf u tmur l-estrem l-ieħor. Qed tgħidilna biex ma nippolitiċċizzawx fuq kollox, anki fuq din il-liġi. Imma jien nistaqsi .... jaqaw dak li kienu jagħmlu huma kienu jagħtuh lilna?”.

    Irrefera għar-rapport tal-Imħallef Mallia u qal li fih dan ġie dikjarat li ma kienx hemmx indħil politika. Infakkar lill-Kelliemi għall-Oppożizzjoni fuq il-qasam soċjali li meta jikkwota minn rapport ta’ inkjesta jikkowta sewwa. Huwa qal li mir-rapport tal-inkjesta tal-Imħallef Mallia, u nfakkar li din l-inkjesta saret wara l-allegazzjoni tad-Deputtat Nazzjonalista Robert Cutajar li hemm indħil politiku min-naħa tal-Ministeru fil-ħruġ tal-care orders, iva issa id-deputat Claudio Grech qed jgħid li hemm indħil politiku. Imma r-rapport tal-Imħallef Mallia ma jgħidx hekk.  Anzi jgħid bil-maqlub, fil-fatt il-konklużjoni ewlenija hija li l-Imħallef ma sab xejn min dak li kien allegat, ma sabx li kien hemm indħil politiku min-naħa tal-Ministeru. Dan hu dak li kkonkluda l-Imħallef Mallia.’

    “Ivverifikaw dak li jgħidulkom l-NGOs” … l-inkjesta saret fuq instigazzoni minn NFCAM

    Glenn Bedingfield sostna li “nagħmel appell jien, u sinċerament qed nappella lill-Oppożizzjoni. Ivverifikaw dak li jiġu jgħidulkom l-NGOs għax din l-inkjesta saret fuq instigazzjoni minn-NGO waħda partikolari, in-National Foster Care Association of Malta magħrufa fil-qosor bħala n-NFCAM. Issa jien indagajt naqra u sibt li dawn kellhom issue fuq ċerti każijiet, jiġifieri każijiet li skont huma kienu każijiet fejn kien hemm indħil politiku u huma dawn il-każijiet biss li ressqu quddiem l-Imħallef. Tafu kemm kienu dawn il-każijiet – sitta biss. Sitta  minn total ta’ 250 tifel u tifla li qegħdin fil-fostering.”

    Iddikjara li “dan ifisser l-ewwel nett li 244 każ ieħor żgur ma kienx hemm dan l-indħil għax kieku kienu jippreżentawhom lill-Imħallef. U minn dawn is-sitt każijiet li n-NFCAM marret tfesfes lill-Oppożizzjoni biex wieħed mill-kelliema tagħha jqum jgħid hawn fil-Parlament li hemm indħil politiku, l-Imħallef ikkonkluda li ma kienx hemm indħil politiku fl-operat ta’ kif joħorġu l-care orders u kif jitmexxa l-fostering.  Allura nistaqsi, min qiegħed jippolitiċizza l-affarijiet?. Għax huwa rresponsabbli li toqgħod fuq allegazzjoni ta’ NGO waħda u tiġi tagħmel allegazzjoni serja hawn fil-Parlament mingħajr ma tivverfika l-affarijiet qabel. Imma jidher li d-Deputat Robert Cutajar kien kuntent li, biex mingħalih jiskurja punt politiku, jkun il-portavuċi ta’ din l-NGO partikolari”.

    Kien isir indħil mill-PN?

    Id-Deputat Bedingfield, kompla jgħid li “issa ħa nuri jien kif kien isir l-indħil politiku meta kien il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern. L-ewwel nett, naf b’każ fejn il-professjonisti tal-FSWS li jaħdmu f’dan il-qasam ħadmu biex ikun hemm dik li tissejjaħ ir-re-integration ta’ tfal fostered mal-ġenituri bijoloġiċi tagħhom. Dan huwa każ fejn waħda minn tlett ulied kienet fostered minn koppja f’Għawdex u ħutha kienu f’dar tat-tfal Malta. Diġa ħażin għax it-tfal misshom jinżammu flimkien. Agħar minn hekk kull meta jkun hemm iż-żjara ta’ aċċess taħt superviżjoni dejjem b’xi skuża jew oħra biex ma ssirx u din it-tifla la tiltaqa’ ma’ ħutha u lanqas mal-ġenituri tagħha. Agħar minn hekk: issir ir-re-integration, għax dawn l-affarijiet jieħdu l-ħin biex isiru, u wara l-foster carer Għawdxija taf x’ tgħid lill-omm naturali; “għax ma għandix saħħa llum għax kieku it-tlieta kont neħodomlok it-tfal” . U aħna nafu x’riedet tgħid bil-kliem ma għandix saħħa llum. Ifisser li ma għandhiex saħħa politika għax meta l-PN kien fil-Gvern anki f’dan il-qasam hekk kienu jsiru l-affarijiet. Dak kien veru indħil politiku f’dan il-qasam! Hekk sew, familja vulnerabbli, fil-bżonn tal-għajnuna u flok ngħinuha aktar ngħaddsuha ’l isfel billi noħdulha t-tfal  u bil-wiċċ tost kollu jkollok din il-foster carer u tgħid dan il-kliem, għax hekk kienu mdorrijin taħt il-Gvern Nazzjonalista!”

    Taqqal lis-sieħba u lit-tifla tagħha taħt l-età … u l-care tibqa’ ma toħroġx

    Ikompli jgħid li “se nsemmi każ ieħor. L-ewwel nett, tajjeb inkunu nafu li l-Ministri tal-Gvern Nazzjonalista, almenu xi wħud minnhom, kien ikollhom żewġ social workers magħżula għax kienu fdati politikament assenjati magħhom ifl-Ministeru li jekk jaqblu huma ssir il-care order, jekk ma jaqblux ma ssirx – dik il-verità. Il-Ministri Nazzjonalisti kien ikollhom nies fdati minnhom politikament biex jivvettjalhom jekk care order issirx jew le. Agħar minn hekk imma. Illum titkellem ma’ social workers li kienu jaħdmu f’ dan il-qasam taħt il-Gvern Nazzjonalista u jgħidulek konna nkunu nafu li tkun ġejja elezzjoni ġenerali għax kienu jibdew flok jaċċettaw li jsiru care orders kienu jibdew jagħmlu pressjoni biex isir social contract mal-familja. Mhux ħaġa ħażina fiha nfisha, tant li issa se ndaħħluha fil-liġi. Imma s-social contract fi żmien Gvern Nazzjonalista kienet tintuża bħala għodda politika biex ikun evitat care order u xejn aktar. U meta ma jkunx jista’ jintuża s-social contract kienu jilagħbu għall-ħin u lanqas sempliċi Interim Care Order (ICO) ma kienet toħroġ. Naf x’ jien ngħid u se nirreferi għal kaz fejn raġel b’fedina kriminali, qiegħed ma’ mara u dan joħroġ tqila kemm lill-partner tiegħu u lil bintha taħt l-età, bis-social workers jinsistu u jitolbu bil-ħniena lill-Ministeru biex toħroġ il-care order u din tibqa’ ma toħroġx. Dan każ dokumentat u nitlob lill-Ministru Michael Falzon biex jitlob il-fajl dwaru ħalli min għandu dubju jkun jista’ jarah! Issa jien mhux qed ngħid li din kienet ir-regola, ir-regola kienet il-vetting minn social workers magħżula politikament u assenjati mas-Segretarjati tal-Ministri, ir-regola kienet is-social contracts, speċjalment lejlet elezzjoni ġenerali fejn l-istatistika turi li l-care orders naqsu fl-2007 u l-2012. Imma dan il-każ fejn ġiet rifjutata care order ġara taħt il-Gvern Nazzjonalista. Dawn huwa każ li jmur lura għas-snin 2009 – 2012.”