€6,000 kumpens wara li kkonfiskawlu żewġ vetturi

    Emanuel Ciantar, missier Max Ciantar, rebaħ €6,000 f'kumpens mill-Qorti Ewropew tad-Drittijiet tal-Bniedem wara li dam biex ħa lura żewġ vetturi li kienu involuti f'każijiet li spiċċaw fil-Qorti.

    L-ewwel każ imur lura għat-28 ta' April 2010 f'Ħ'Attard meta żewġ tewmin bniet ta' 11-il sena ġew imtajjra waqt li kienu qed jaqsmu fi Triq Ħal Warda.

    Dwar dan l-inċident, li minħabba fih waħda mit-tewmin kienet għamlet żmien fil-periklu tal-mewt, tressaq fil-Qorti Max Ciantar li dakinhar kellu 21 sena.

    Huwa kien mixli b'sensiela ta' akkużi fosthom li ikkaġuna ġrieħi gravi liż-żewġt itfal, li saq vettura li mhux tiegħu, li saq mingħajr liċenzja u bla polza tal-assikurazzjoni, li saq b'mod traskurat u b'veloċita eċċessiva, li baqa' għaddej minn fuq it-'traffic lights' meta kienu ħomor, li ikkaġuna ħsara f'karozza u li ħarab minn fuq il-post tal-inċident.

    Ciantar kien instab ħati ta' dawn l-akkużi u ġie ikkundannat sentejn ħabs waqt li kellu l-liċenzja tas-sewqan sospiża għal 10 snin anke jekk wara li appella din tnaqqset għal sitt xhur.

    Fl-2012 Max Ciantar instab ħati fuq każ ieħor fejn din id-darba r-reat kien li saq vettura meta din kienet irreġistrata fuq missieru. 

    Il-vetturi wżati f'dawn iż-żewġ inċidenti kienu konfiskati bil-missier spiċċa jiftaħ kawa ċivili sakemm il-Qorti Kostituzzjonali tatu raġun u waqt li ordnat ir-rilaxx tagħhom ordnat li jingħata kumpens ta' €300.

    Fl-2015 Emanuel Ciantar, li għandu 55 sena, ħa l-każ quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f'ismu u f'isem il-kumpanija tiegħu Maxkim Limited.

    Ciantar ilmenta li kien imċaħħad milli jużahom għal żmien twil u għalhekk talab kumpens għal dan.

    Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tatu raġun u ordnat lill-Gvern Malti biex jagħtih kumpens ta' €6,000.