ARA: Il-Ministru Scicluna jisħaq li Brexit bla ftehim ikun “bomba atomika”

    “Brexit bla ftehim ikun bħal bomba atomika għal kulħadd. Hija sitwazzjoni li se jistkerrhu kemm ir-Renju Unit u anke l-Unjoni Ewropea.” Hekk qal il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna f’intervista mal-istazzjon li jiffoka fuq aspetti finanzjarji, Bloomberg.

    Fir-rigward ta’ kif Malta se tkun qed tintlaqat, il-Ministru Scicluna saħaq li Malta se tkun qed tintlaqat b’mod negattiv kemm minn Brexit bla ftehim, iżda anke fil-każ ta’ Brexit normali.

    Fl-istess waqt il-Ministru Scicluna stqarr li Malta jaf tkun f’pożizzjoni vvantaġġjata fir-rigward ta’ dawk il-kumpaniji bbażati fir-Renju Unit li qed jevalwaw li jirrilokaw parti, jew l-operat intier tagħhom lejn stati membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea.

    Meta mistoqsi dwar il-possibbiltà li fil-ġimgħat li ġejjin eventwalment jintlaħaq ftehim bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea, il-Ministru Scicluna ma żbilanċjax ruħu u saħaq li s-sitwazzjoni tista’ tmur fuq iż-żewġ naħat.

    Il-Ministru Scicluna tenna wkoll li l-Gvern m’għandu l-ebda pjani li joffri inċentivi mil-lat ta’ taxxa bil-għan li jattira kumpaniji lejn pajjiżna.