Sliema Wanderers jaħtru coach ġdid

    Sliema Wanderers ħatru lill-coach Taljan, Stefano Maccoppi, biex immexxi lit-team għall-kumplament tal-istaġun.

    Dan wara li l-club wasal fi qbil reċiproku ma’ John Buttigieg biex iħalli l-club wara li sfaw eliminati mill-FA Trophy wara t-telfa ta’ 2-1 kontra Mosta, valida mir-raba’ round li ntlagħbet fis-26 ta’ Jannar li għadda.

    L-assistent coach, Ivan Woods, ħa r-responsabbiltá tat-team fin-nuqqas ta’ Buttigieg u fiż-żewġ partiti li għamel dan, il-Wanderers spiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra Gzira United u St Andrew’s. Bil-ħatra l-ġdida ta’ Maccoppi, Woods jerġa’ jieħu l-irwol ta’ assistent.

    Maccoppi se jġib miegħu esperjenza vasta hekk kif fil-karriera tiegħu mexxa xejn inqas minn 13-il team. Fost oħrajn, fil-karriera ta’ player lagħab ukoll ma’ Como, Bari u Piacenza.