Mizzi jiċħad li ħareġ xi gass mill-HFO

    Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi ċaħad fil-Parlament li nħaraq xi Heavy Fuel Oil (HFO) f'pajjiżna.

    Huwa kien qed jirreaġixxi għal sensiela ta' mistoqsijiet mid-deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone dwar il-ħażna tal-fjuwil f'Birżebbuġa. Mizzi għamilha ċara li hemm differenza bejn li taħżen l-HFO u li taħarqu u fakkar kif qabel tela fil-Gvern fl-2013 il-Partit Laburista kien kontra l-ħruq ta' dan il-materjal.

    Huwa nsista li l-ħsara ssir meta jinħaraq l-HFO mhux meta jinħażen u semma kif is-sena d-dieħla l-Gvern se jagħlaq l-impjant 31 ta' Marzu għax fih problemi kbar.

    L-istess deputat Nazzjonalista baqa' jistaqsi jekk qed jinħażinx HFO fl-impjant tal-Qajjenza, jekk hux qed jissaħħan u jekk qed joħroġ fwar minnu.

    Mizzi wieġbu li meta dan il-fjuwil jinħażen qabel jiġi trasferit fuq bastimenti għal barra jissaħħan madankollu għamilha ċara li dan isir fil-magħluq u hemm apparat apposta biex il-gass ma joħroġx barra.

    Huwa nsista li l-Awtorita għall-Ambjent u r-Riżorsi tagħmel awditjar darba fis-sena biex tassigura li kollox isir kif supost.

    Wara li Schiavone staqsih jekk jaf bi problemi li qed jiffaċċja l-kuntrattur biex jinvesti fl-impjant tal-Qajjenza, Mizzi sostna li ma jafx b'nuqqasijiet li kien qed jirreferi għalihom u ħadd ma nfurmah li hemm xi ħaġa ħażina.

    Huwa nsista li meta jsir l-impjant il-ġdid ta' Ħas-Saptan dawn il-problemi jieqfu għax dan se jkun mgħammar bl-aħħar teknoloġija.

    Mizzi spjega kif f'każ ta' emerġenza l-impjant jagħlaq waħdu, ma jħallix gassijiet u nirien joħorġu waqt li ebda gass ma joħroġ għax il-bowsers jintlew taħt l-art.

    Huwa nsista li l-Gven wiegħed li l-impjant tal-gass fil-Qajjenza jingħalaq u saħaq li hekk se jiġri fejn wara li jinfetaħ l-impjant il-ġdid matul din is-sena dak antik jibda jingħalaq is-sena d-dieħla.

    Skoperti fil-baħar - bastiment u żewġ ajruplani

    Il-Ministru Joe Mizzi kien mistoqsi wkoll dwar l-istudju b'rabta mal-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija u fiex wasal dan il-proġett.

    Huwa semma kif waqt l-istħarriġ li sar fuq qiegħ il-baħar biex jiġi stabbilit minn fejn se jgħaddi ġew skoperti bastiment u żewġ ajruplani.

    Mizzi irrimarka kif anke n-naħa ta' Gela fi Sqallija nstabu xi fdalijiet storiċi u nsista li meta jiġi mgħoddi l-pipeline jrid jiġi evitat li jsirilhom ħsara.

    Huwa żied li wara li jiġu konklużi dawn l-istudji n-nies tekniċi se jiddiskutu minn fejn l-aħjar jgħaddi l-pipeline li permezz tiegħu Malta għandha tirċievi gass minn Sqallija.

    Il-pjan tal-Gvern huwa li meta l-pipeline jibda jiffunzjona ma jibqax jintuża t-tanker tal-LNG li hemm sorġut f'Dellimara.

    B'nofs l-enerġija se jiġi iġġenerat id-doppju tal-ilma

    Suġġett ieħor li tkellem dwaru fil-Parlament il-Ministru Joe Mizzi kienet dwar il-proġett li qed isir bejn ir-reverse osmosis ta' Pembroke u l-ġibjuni li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (KSI) għandha f'Ta' Qali.

    Permezz ta' dan il-proġett, ilma li jittella minn Pembroke se jiġi trasferit lejn Ta' Qali biex imbagħad jiġi mqassam f'diversi lokalitajiet bi kwalita ta' ilma aħjar minn dik eżistenti.

    Il-Ministru Mizzi semma li l-iktar ħaġa pożittiva f'dan il-proġett hija li l-KSI se tiġġenera d-doppju tal-ilma meta l-enerġija li se tikkonsma se tonqos bin-nofs.

    It-tanker tal-LNG intela 16-il darba

    Il-Ministru Joe Mizzi kien mistoqsi mid-deputat Nazzjonalista Ryan Callus dwar kemm-il darba it-tanker tal-LNG daħal biex jimla fil-port ta' Marsaxlokk.

    Huwa wieġbu li ma daħal l-ebda tanker tal-LNG biex jimla fil-port ta' Marsaxlokk għalkemm spjega kif kien hemm kien hemm 16-il kunsinja ta' LNG li daħlet mindu bdiet topera l-power station tal-gass.

    Erba' 'sheltered hostels' ġodda mill-2013

    Taħt dan il-Gvern infetħu erba' 'hostels'  għal individwi bi problemi ta' saħħa mentali.

    Kien id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li ta dan it-tagħrif fil-Parlament għal mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone.

    Fearne spjega kif tnejn minn dawn il-'hostels' infetħu mar-Richmond Foundation u t-tnejn l-oħra mal-Fondazzjoni Suret il-Bniedem.

    130 'child care centres' fil-pajjiż

    Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo semma kif in-numru ta' 'child care centres' fil-pajjiż laħaq il-130.

    Huwa spjega kif waqt li fl-2014 ibbenefikaw 3,856 tifel u tifla bi spiża ta' €5.2 miljun għall-Gvern, fl-2018 ibbenefikaw 6,737 u l-ispiża telgħet għal €20.47 miljun.

    Bartolo kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat Laburista Byron Camilleri.

    23 rapport dwar aggressjoni fuq edukaturi

    Minn Jannar li għadda s'issa kien hemm 23 ilment minn edukaturi marbuta ma' disa' każijiet separati ta' aggressjoni fl-iskejjel.

    Kien il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo li ta din l-informazzjoni fil-Parlament għal mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Clyde Puli.

    Bartolo spjega li dawn ir-rapporti daħli fuq is-sit li nfetaħ biex l-edukaturi jirrappurtaw il-każijiet ħalli jkunu mgħejjuna.