Rami Malek u Bohemian Rhapsody ikomplu jkaxkru l-unuri

    Lejn tmiem l-2018, id-dinja tal-films qatgħet xewqitha, meta ħareġ il-film dwar il-ħajja tal-leġġendarju u l-kantant prinċipali tal-grupp Queen, Freddie Mercury. Bħal ma kien previst, miljuni ta’ nies attendew bi ħġarhom fiċ-ċinema madwar id-dinja biex jesperjenzaw it-talent, li Freddie Mercury kellu u li bih kien isaħħar lil dawk preżenti.

    Matul il-film spikka l-attur prinċipali, Rami Malek, li skont il-kritiċi “qaxxar il-parti” anke jekk kellu għadma iebsa biex jagħmel dan. Waħda mill-ikbar ostakli ta’ Malek kien li ried jitkellem u f’xi daqqiet ikanta b’erbat is-snien aktar. Meta kien żgħir, Freddie Mercury kien ikun mgħajjar minħabba dan "id-difett" iżda matul is-snin wera kif erbat is-snien żejda għenuh jkun wieħed mill-aqwa vokalisti ta' kull żmien.

    Dan l-ostaklu u s-sagrifiċċju li ġab miegħu l-karattru ta' Freddie ħalla l-frot hekk kif kemm Rami Malek bħalar l-attur prinċipali fil-film kif ukoll il-film innifsu, kaxkru numru ta’ unuri f’diversi ċerimonji. Fil-fatt Malek u l-film, Bohemian Rhapsody rebħu l-unuri fil-Grammy Awards, fil-BAFTA Awards, fl-iScreen Actors Guild Awards, u fl-AACTA International Awards fost għexieren ta’ unuri oħrajn. L-unuri jvarjaw mill-aqwa attur sal-aqwa mużika u sound.

    Aktar minn hekk, kemm Rami Malek u anke Bohemian Rhapsody huma nnominati għal total ta’ ħames Oscars. Malek qed ikollu sfida qawwija mill-attur Bradley Cooper li kellu prestazzjoni eċċellenti fil-film ‘A Star is Born.’