Jinħareġ tender biex jibda x-xogħol fuq il-ġnien ta’ Ġlormu Cassar fil-Gudja

    Tul l-aħħar snin il-ġnien ta’ Ġlormu Cassar tħalla fi stat degradanti u kien għalhekk li l-Ministru Konrad Mizzi ħabbar rinnovar estensiv f’dan il-ġnien. Il-ġnien, li fiż-żmien li ġej ser ikun qiegħed jiġi rinnovat, ser ikollu layout u orjentazzjoni ġdida, u ser dehra aktar moderna.

    Ix-xogħol fuq dan il-ġnien ser ikun qiegħed isir mill-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu. Ninsabu informati li għada ser ikun qiegħed jiġi ppubblikat ‘tender document’ sabiex jibda x-xogħol fuq dan il-ġnien.

    Akkwistajna l-pjani ta’ kif dan il-ġnien ser ikun qiegħed jiġi rrestawrat. Mitlub jikkummenta, il-Ministru Konrad Mizzi spjega kif wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-proġett huwa li nkomplu ntejbu l-infrastruttura u nagħmlu l-ambjent tagħna aktar sigur.

    “Dan huwa proġett sabiħ li permezz tiegħu se jkunu qegħdin igawdu l-komunitajiet tagħna, b’mod partikolari dawk tan-nofsinhar ta’ pajjiżna. Dan il-proġett jikkumplimenta x-xogħol li qiegħed isir f’bosta lokalitajiet oħra li qegħdin isiru mill-Ministeru għat-Turiżmu fil-lokalitajiet tal-madwar, bħal dawk ta’ Ġnien Duminku Mintoff f’Raħal Ġdid, tar-riġenerazzjoni ta’ Marsaxlokk, ta’ numru ta’ interventi ppjanati f’Birżebbuġa, fost oħrajn.” Apparti minn dawn il-lokalitajiet, sar ukoll xogħol f’Paceville, fil-Balluta u f’Tas-Sliema.

    Fost ix-xogħol li ta’ tisbiħ li ser ikun qiegħed isir, ser jiġu inklużi twapet iżjed siguri u ġodda, orjentazzjoni ġdida u iktar moderna u diversi spazji ta’ rikreazzjoni għal persuni ta’ etajiet differenti.

    Se jkun qed jiġi inkluż ukoll Multipurpose Sports Pitch, liema spazju kien tant mitlub pero qatt ma ġie offrut. Apparti minn hekk, il-pjan hu li jinbnew faċilitajiet sanitarji ġodda, flimkien ma’ żona għar-rikreazzjoni tat-tfal u kif ukoll Outdoor Gym. Dan kollu ser ikun kumplimentat minn tibdil tal-pavimentar u għamara, fosthom bankijiet, bins u dwal ġodda), u kif ukoll l-installazjoni ta’ Water Fountain gdida.

    Dan il-ġnien se jiġi mgħammar minn sistema ta’ CCTV għal aktar sigurtà.

    Finalment, dal-proġett huwa stmat li ser jiswa madwar €400,000 u mistenni jitlesta aktar tard din is-sena.