Għaddej ġmielu x-xogħol fuq il-mina bejn Pembroke u Ta’ Qali … parti minn investiment bla preċedent fis-settur tal-ilma

    Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia żaru x-xogħol fuq il-mina li qed tinbena taħt l-art bejn l-impjant tar-Reverse Osmosis ta’ Pembroke u l-ġibjuni f’Ta’ Qali.

    B’tul ta’ 9.5 kilometri, dan il-proġett hu intiż biex ikompli jtejjeb il-kwalità tal-ilma f’ħafna partijiet f’Malta u jsaħħaħ l-effiċjenza fl-operat u fis-sostenibbiltà ambjentali. 

    Il-Ministru Mizzi qal li dan il-proġett hu parti minn investiment bla preċedent li qed tagħmel il-Korporazzjoni fis-settur tal-ilma u fakkar li l-investiment totali, mifrux fuq erba’ snin f’diversi lokalitajiet f’Malta, ilaħħaq b’kollox ’il fuq minn 130 miljun ewro.

    Ir-Reverse Osmosis f’Pembroke hu l-ikbar impjant tal-WSC fejn bħalissa qed isir ukoll xogħol fuq il-magni li qed jiġu modernizzati bl-aħħar teknoloġija li se jirriżulta fl-iffrankar ta’ €421,596 fis-sena. L-ilma trasferit mir-Reverse Osmosis ta’ Pembroke jitħallat mal-ilma tal-pjan f’Ta’ Qali u jiġi ttestjat u trattat biex jiżgura taħlita ta’ kwalità mill-aqwa. Tajjeb wieħed isemmi li l-pajpijiet li se jintużaw għall-kostruzzjoni tal-mina, fejn se jintużaw b’kollow madwar 3,000 tunellata, huma l-ewwel tat-tip tagħhom f’pajjiżna.

    Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia żied li fuq livell Ewropew, Malta qed isservi ta’ eżempju għal pajjiżi oħrajn fejn jidħol l-ilma. “Malta qed timraħ u pajjiżi oħrajn qed iħarsu lejn Malta bħala benchmark fejn tidħol is-sigurtà tal-provvista tal-ilma, titjib tal-kwalità tal-ilma u l-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma kif ukoll it-taħlit ta’ riżorsi varji bil-għan li tintlaħaq effiċjenza massima tal-użu tar-riżorsi”.

    Il-mina ta’ Pembroke hi parti minn pjan ħolistiku biex jintlaħqu dawn il-miri u parti minn proġett ikbar b’valur totali li jammonta għal iktar minn €100 miljun kofinanzjati minn fondi Ewropej.

    “Is-suċċess li pajjiżna kiseb fl-aħħar snin u t-tkabbir ekonomiku li qed nesperjenzaw qed joħloq domanda ikbar għall-ilma. Bil-fondi Ewropej qed nindirizzaw dan u b’hekk nibnu l-infrastruttura ta’ għada”, kompla s-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia.