Il-PM Pollakk jgħid li l-mexxejja Ewropej huma maqtugħin mir-realtà tal-poplu

    Il-Prim Ministru Pollakk Mateusz Morawiecki stqarr li l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ Mejju li ġej se juru li uffiċjali Ewropej fi Brussell u l-President Franċiż Emmanuel Macron jinsabu maqtugħin mir-realtà u minn dak li verament jaħsbu l-Ewropej. Huwa qal dan f’kummenti li kienu ppubblikati fil-ġurnal Franċiż “Le Figaro”.

    Morawiecki ddefenda wkoll is-sitwazzjoni tal-ġudikatura Pollakka, u wissa dwar il-perikli tal-imperjaliżmu Russu.

    “L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew se juru li l-Ewropa hija kompletament differenti minn kif jarawha l-uffiċjali fi Brussell,” huwa żied jgħid.

    Huwa kien qed jirreferi għan-nuqqas ta’ simpatija fil-konfront tal-politika ekonomika mħaddna mil-Unjoni Ewropea u l-politiċi eltisti.

    Huwa ddubita wkoll mill-politika mħaddna mill-UE dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni.

    “Kull stħarriġ Ewropew jpoġġi kwistjonijiet bħall-migrazzjoni u t-terroriżmu fil-quċċata tal-problemi. Irridu nagħtu kas it-tħassib tan-nies,” żied jgħid Morawiecki.

    “Li wieħed jiftaħ beraħ il-bibieb tal-Ewropa mhijiex is-soluzzjoni,” huwa żied jgħid.