“Il-ħajja turik li mhux kollox ward u żahar”

    Fl-aħħar xhur tas-sena 2013 Jerome Frendo beda jħoss ċertu wġigħ f’saqajh. Kien għadu kif spiċċa l-O Levels ta’ 16 il-sena u allura beda jgawdi s-sajf billi joħroġ ma’ sħabu bħal kull ġuvni ieħor. Għall-bidu t-tobba bdew jgħidulu li l-uġigħ kien ikkaġunat minn xi daqqa ta’ ballun jew strain mis-sessjonijiet tal-gym. Imma l-uġigħ tant kiber li lanqas beda jħallih jorqod. Ftit wara, Jerome ġie ċċertifikat li kellu stage 4 kanċer fl-għadam tat-tip Ewings Sarcoma. Dan il-kanċer hu rari ħafna b’rata ta’ fejqan pjuttost baxxa ħafna. Ommu, Josette Frendo, tirrakkonta ma’ dan il-ġurnal il-vjaġġ li għadda minnhu binha u l-aħħar memorji li kellhom flimkien.

    “Il-ħajja tippreparak għal ħafna affarijiet li tkun se tiltaqa’ magħhom matul ħajtek. Matul it-tfulija u ż-żgħożija, il-ħajja turik li mhux kollox ward u żahar. Biex tgħix, se tgħaddi minn mumenti ta’ ferħ, ta’ dwejjaq, ta’ daħk u oħrajn ta’ tbatija. Ħajja li sfortunatament kulħadd irid jgħaddi minnha. Taf ukoll li meta tikber, il-mewt se tiltaqa’ magħha xi darba jew oħra. Tipprepara ruħek li għalkemm il-ġenituri tiegħek qegħdin jikbru, trid tasal dik il-ġurnata li ma tarahomx iktar. Dik hi n-natura tal-bniedem.”

    Hekk tibda r-rakkont tagħha Josette Frendo, omm Jerome u tgħid li minn mument għall-ieħor il-ħajja tista’ tinqaleb ta’ taħt fuq u dak li qatt ma bsart li jista’ jiġri lilek iseħħ.

    Għall-familja Frendo dan ġara fl-aħħar xhur tas-sena 2013 meta Jerome beda jħoss ċertu uġigħ f’saqajh. Bħal kull ġuvni iehor ta’ 16-il sena beda joħroġ u jgawdi ftit ħin ma’ sħabu. Ġranet il-baħar, mawriet sa Paceville, training fil-gym, logħba futbol kull meta kien ikollu ċans u saħansitra sab xogħol part time biex ikun jista’ jaqla xi ftit tal-flus fis-sajf. 

    L-omm tgħid li meta marru għand it-tabib biex jiċċekjalu ftit saqajh ma tantx inkwetaw. “Fil-fatt t-tabib qalilna li l-weġgħa m’hi xejn ħlief it-trawma ta’ daqqa ta’ ballun jew strain mis-sessjonijiet tal-gym.” Pero għaddew ftit ġimgħat u l-uġigħ beda jżid. Marru għand tabib ieħor u l-istess kliem qalilhom. Is-sieq bdiet tintefaħ u marru jaraw tabib ieħor imma xorta l-istess qalilhom. Imma hija kienet issaqsi, “kif jista’ jkun li daqqa ta’ ballun jew training fil-gym tneffaħ sieq u l-uġigħ tant kiber li lanqas beda jħalli lil Jerome jorqod matul il-lejl? Morna għand ir-raba’ tabib u dan, kif ra sieq Jerome, qalilna biex nagħmlulu MRI urġenti l-għada stess.”

    Minn hemmhekk, wara li ħareġ ir-riżultat tal-MRI l-omm tgħid li beda l-proċess tal-kalvarju li ħa kważi erba’ snin u li wassal għall-mewt ta’ Jerome. Instab li kellu kanċer fl-għadam li jismu Ewings Sarcoma fi stadju avvanzat ta’ grad 4. Dan il-kanċer hu rari ħafna b’rata ta’ fejqan pjuttost baxxa ħafna. “Ħadd mill-familja tiegħi jew tar-raġel miss mal-kanċer allura l-aħbar kienet ta’ xokk kbir għalina. Ma ridnix nemmnu li hu possibbli,” qalet l-omm.

    Peress li Jerome kellu 16 il-sena kellhom jgħidulu l-verità mill-ewwel imma lil ħuh ta’ disa’ snin, għal bidu, qalulu biss li Jerome kellu bżonn ħafna żmien l-isptar minħabba l-uġigħ f’saqajh. Josette qalet li “l-għada tal-biopsy, lir-raġel tiegħi Kenneth, qalulu li Jerome kellu biss tliet xhur biss ħajja u li sieq minnhom kellha tiġi kompletament amputata. X’jibqa’ fik?”

    “Peress li r-raġel kien jaf li jiena fraġli ħafna u Jerome wisq iktar minni f’dik il-kundizzjoni, żamm kollox mistur ġo fih. Immaġina lil dik il-persuna, trid tmur ix-xogħol u tkun id-dar, iżżomm dak ix-xokk ġo fiha u minn barra turi wiċċ b’ieħor ħalli ħadd ma jissuspetta xi ħaġa,” kompliet tgħid.

    Meta Jerome ħareġ mill-isptar il-familja marret tagħmel żjara lill-Knisja tal-Isla biex jitolbu lir-Redentur biex jgħinhom jġorru dan is-salib tqil.

    Jerome beda mill-ewwel il-kimoterapija fejn kien iqatta’ ħamest ijiem l-isptar, għal bidu ġo l-Isptar Boffa, imbagħad jirkupra d-dar sakemm jerġa’ jkun jiflaħ għall-kimoterapija oħra. “Ġuvni, fl-aqwa ta’ ħajtu, tarah għajjien, iħares lejk bil-ħniena, batut u bħala omm ma’ tista tgħamillu xejn ħlief li titkellem miegħu, tħaddnu miegħek u turih u tgħidlu li se tiġġieldu l-kanċer flimkien.”

    Jerome, fis-Sajf ta’ wara kellu jitla’ r-Renju Unit biex ikollu operazzjoni f’saqajh ħalli jneħħulu l-għadma li kienet mittiefsa bil-kanċer. Qabel ma daħal għall-operazzjoni, qalulhom li kien hemm ċans li jispiċċa b’sieq waħda “u allura tistgħu timmaġinaw f’liema stat konna u speċjalment hu meta kien dieħel fit-teatru. It-tmien sigħat li għamilna nistennew biex din l-operazzjoni tirnexxi kienu tmien sigħat tal-biża’ pero l-kirurgu ġie jkellimna bit-tbissima fuq wiċċu u malajr indunajna li siequ salvaha.”

    Jerome kompla għaddej bil-kimoterapija u fil-bidu tas-sena 2015 deher li kien fieq. L-omm tgħid li dan kien mument ta’ “ferħ indeskrivibbli” għax Jerome seta jerġa’ jibda jgawdi ż-żgħożija tiegħu. Pero ma tantx dam jifraħ għax ftit xhur wara, indunaw li l-kanċer reġa’ tfaċċalu, din id-darba f’dahru. L-uġigħ ta’ dahru kien iktar qawwi minn ta’ saqajh. Il-kimoterapija biddluhielu u żiduhielu fil-qawwa b’konsegwenza li reġa’ spiċċa bla xagħar, bla saħħa u kellu bżonn ta’ transfużjonijiet ta’ demm spissi. 

    L-omm qalet li peress li s-sistema immunitorja tiegħu kienet baxxa, spiss kien ikollhom imorru l-isptar. Persuna marida bil-kanċer faċilment jitlagħla d-deni u f’dan il-każ, ikollok bżonn tmur dritt l-emerġenza – kull darba. “Immaġina tkun dieħla rieqda f’xi nofs il-lejl, wara ġurnata xogħol u tispiċċa l-emerġenza. Imbagħad tispiċċa tagħmel minimu ta’ xi erba’ sigħat kull darba u wara jdaħħluk f’ward fejn ikun hemm post.”

    Fost problemi oħra li għaddew minnhom kull darba li Jerome kien jittieħed l-emerġenza kienu dawn; ma’ min se jħallu lil ħuh dak il-ħin ta’ bil-lejl; peress li l-għada skola, ħuh kien qed ikun dejjem imħawwad bit-taqlib tal-programm; u min kellu jmuru għax-xogħol l-għada filgħodu kien jispiċċa mkisser wara lejl bla rqad.

    “Ma stajniex nippjanaw meta Jerome kien qed jieħu l-kimoterapija. Filli jkun tajjeb filli f’daqqa waħda kien jitlagħlu d-deni u konna nagħmlu bejn żewġ jew tliet ġimgħat ġewwa ċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. Għaddiet sena oħra ta’ tbatija għalih u fis-sena 2016 ħadna l-aħbar li għalkemm jien kont qed nittama li mhix se sseħħ, imma l-ħajja wriet mod ieħor,” żiedet tgħid l-omm.

    Mit-testijiet li għamel Jerome, irriżulta li l-kanċer ma baqax f’dahru biss imma nfirixlu f’partijiet oħra ta’ ġismu. Peress li l-għadam huwa organu wieħed, it-tumur beda jagħmel xalata minn fuq Jerome. “Bir-raġġi bdejna noqtluh imma jfeġġ f’post ieħor. L-uġigħ tant kien ikun kbir li fl-eqqel tas-Sajf, kien ikun bil-hot water bottle biex forsi jtaffi xi ftit mill-uġigħ. L-iljieli kienu iktar tal-biża’. Fil-fatt Jerome ma setax jorqod bil-lejl minħabba l-uġigħ.”

    Wasal il-punt fejn saħansitra lil Jerome bdew jagħtuh il-morfina iżda aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, id-doża tal-morfina ma bdietx tlaħħaq mal-uġigħ tat-tifel. F’Lulju tas-sena 2017, kien ippjanat li ħuh Jethro, jagħmel il-Griżma f’ċerimonja waħdu għax xtaqu li Jerome ikun il-parrinu tiegħu u fit-22 ta’ Lulju, għalkemm muġugħ, Jerome rnexxielu jattendi ċ-ċerimonja u jaqta’ xewqtu. “Dak il-lejl stess, erġajna spiċċajna d-Dipartiment tal-Emerġenza fejn minn dakinhar ‘il quddiem ma ħareġ qatt iktar mill-kamra ħlief bħala katavru – fis-6 ta’ Ottubru,” tgħid b’emozzjoni l-omm.

    Hija tkompli tgħid li “kważi erba’ snin ta’ wġigħ kontinwu – lejl u nhar – uġigħ minn wieħed mill-agħar kanċers li jeżistu. Pero, nixtieq ngħid li matul dawn l-erba’ snin, Jerome kien bi tbissima fuq fommu kważi l-ħin kollu. Qatt ma ħadha kontra Alla, anzi. Konna mmorru spiss lejn Għawdex biex ninvistaw lill-Madonna ta’ Pinu għax kif kien jgħidilna hu stess, ‘il-Madonna qiegħda ssejjaħli’. U aħna konna nitilqu kollox u mmorru għalhekk biss. Ma’ kull min kien jiltaqa’ Jerome dejjem kellu kliem ta’ faraġ u ta’ sapport.” 

    Jerome qatt ma qata’ qalbu waqt li kien qed jieħu l-kimoterapija. Studja l-A Levels pjuttost waħdu bi ftit għajnuna ta’ xi noti, tgħallem isuq il-karozza u ġab il-liċenzja u rnexxielu jġib il-kwalifiki kollha u daħal l-Università part time. Beda l-kors għal ħaddiem soċjali għax ried li jgħin lil min hu marid bħalu, għax kif kien jgħid hu, ‘jien, li għaddejt minnha, nista’ iktar nifhimhom’. Fil-fatt, qabel ma’ miet, kien spiċċa l-ewwel sena u kien diġà beda jagħżel is-suġġetti li ried jistudja għat-tieni sena.

    “Bl-ikbar dieqa, Jerome m’għadux magħna pero, fil-ġurnata tal-mewt tiegħu, waqqafna fondazzjoni jisimha Smiling with Jerome - Registration Number LPF 273. L-għan tagħha hu li bħal Jerome, aħna rridu nkomplu fejn ħalla hu, li nagħtu għajnuna u sapport, f’kull forma, lil min ikun għaddej f’mumenti diffiċli jew ikun vulnerabbli speċjalment fejn jidħol mard,” temmet tgħid l-omm.

    SMILING WITH JEROME għandu grupp jismu TRUE HEROES fejn il-maġġoranza tal-pazjenti huma kollha tfal li għandhom diżabbiltà jew huma morda serjament fosthom bil-kanċer, cerebral palsy, sklerożi multipla, awtiżmu, fibyromyalgia u Down Syndrome. Aħna nipprovdulhom attivitajiet b’xejn matul is-sena kollha għax nemmnu li dawn il-familji għandhom bżonn jistrieħu u jgawdu flimkien.

    Jiena u żewġi Kenneth, flimkien mat-tifel tagħna Jethro, nibqgħu kommessi li t-tbissima ta’ Jerome tibqa’ ħajja għal dejjem.

    Fuq Facebook waqqafna paġna li ġġib l-istess isem ta’ Smiling with Jerome. Fiha hemm kull proġett li qegħdin nagħmlu fejn qed naġġornaw lin-nies bix-xogħol li qed inwettqu. Kulħadd jista’ jidħol bħala membru.

    L-imejl tagħna hu smilingwithjerome@gmail.com. In-numru li tistgħu ċċemplu fuqu hu: 99872002.

    L-indirizz tagħna hu: 43, Kyrios, Triq ir-Rand, Attard ATD1300.

    Għandna kont ukoll IBAN – MT 30 VALL 2201 3000 0000 4002 5276 992. Ma’ kull donazzjoni li ssir f’dan il-kont, tinħareġ irċevuta. Il-flus li naqilgħu jerġgħu jmorru għal dawk in-nies fil-bżonn, li wħud minnhom, ma jħossuhomx komdi li jispjegaw is-sitwazzjoni tagħhom fuq il-mezzi tax-xandir. Kemm għal xi apparat mediku, kemm għal xi għajnuna professjonali, kemm biex insebbħu l-ambjent fejn hemm nies rikoverati fl-isptar u kemm għal xi kelma jew tnejn ta’ kuraġġ, il-fondazzjoni tagħna se tagħmel minn kollox biex tgħin lil dawn in-nies. Bl-għajnuna tagħkom, naslu żgur.