Il-Pulizija Indoneżjana tinterroga raġel billi tbeżżgħu b'serp ma' għonqu … Jitolbu apoloġija u jgħidu li se jieħdu passi

    Il-Pulizija Indoneżjana apoloġizzat u ħalfet li tieħu azzjoni dixxiplinarja fil-konfront ta’ uffiċjali tal-pulizija li dawru serp ħaj madwar għonq ta’ suspettat, f’tentattiv li jipperswaduh jammeti ħtijietu waqt interrgoazzjoni. L-inċident seħħ fil-provinċja ta’ Papua.

    Filmat li ċċirkola fuq l-Internet juri lil raġel jiġi interrogat wara li kien akkużat li seraq mowbajls. Fil-filmat ir-raġel jidher bil-qiegħda mal-art b’idejh marbutin wara dahru u viżibbilment jidher imbeżża’ mis-serp.

    Waqt il-filmat, leħen jinstema’ jordna lir-raġel biex jiftaħ għajnejh u saħansitra f’mument minnhom jheddu li kien se jdaħħallu s-serp f’ħalqu.

    Fi stqarrija l-kap tal-pulizija Tonny Ananda Swadaya ħareġ apoloġija f’isem il-pulizija Indoneżjana . Huwa tenna li “l-uffiċjal li kien qed jiżvolġi l-intervista ma kienx professjonali f’xogħlu”.