Aleksandar Kolarov jiskuża ruħu ... il-partitarji xorta għadhom irrabjati

    Wara li skorja t-tielet goal fir-rebħa li Roma kisbu barra minn darhom kontra Chievo Verona bl-iskor ta’ 3-0, l-attakkant Aleksandar Kolarov mar quddiem il-partitarji tiegħu stess u feraħ billi baxxa rasu b’sinjal li skuża ruħu wara li f’dawn l-aħħar jiem kien hemm kontroversja kbira bejnu u bejn l-istess segwaċi Giallorossi. Kollox beda meta l-istess Kolarov ħalla xi dikjarazzjonijiet ta’ kritika lejn il-partitarji Rumani wara li għajruh.

    Ftit tal-jiem wara l-attakkant Serb sab streamer quddiem id-dar tiegħu li fih kien hemm miktub xi offiżi personali.

    Bil-goal li skorja lbieraħ kontra Chievo hu bħal qisu ried jiskuża ruħu jekk kien hemm xi battibekki bla bżonn. Min-naħa tiegħu, il-coach ta’ Roma Eusebio di Francesco ddefenda lil Kolarov billi qal li kulħadd jiżbalja u jinsab ċert li hu ser ikun qed jirrispondi fil-ground permezz tal-goals. Roma jmisshom jilagħbu fil-fażi tal-Aħħar 16 tal-UEFA Champions League kontra Porto u l-iskorer prolifiku Serb mistenni jiġi inkluż għal din il-partita.