Lorenzo Insigne jingħata l-faxxa ta’ captain

    Wara li Marek Hamsik ser iħalli lil Napoli sabiex jingħaqad maċ-Ċiniżi ta’ Dalian Yifang, fil-partita tal-bieraħ li l-Partenopei lagħbu kontra Fiorentinau li spiċċat fi draw ta’ 0-0 kien Lorenzo Insigne illi libes il-faxxa ta’ captain.

    Stadio Artemio Franchi ma tantx kien qed iġib memorji sbieħ għall-attakkant internazzjonali Taljan minħabba li lura fl-2014 hu kien weġġa’ f’dan l-istess konfront u kien għamel ħafna xhur barra mil-logħob. Anke matul l-istaġun li għadda, Napoli kienu tilfu l-partita kontra l-istess Viola sabiex prattikament taw il-kampjonat lil Juventus. Fil-partita tal-bieraħ hu ma kellux xi wirja ta’ barra minn hawn.

    F’kumment li ta wara l-partita, il-player ta’ 27 sena qal li kien sodisfatt li libes il-faxxa ta’ captain għal din il-partita u rringrazzja lil kull min wera fiduċja fih.

    Insigne ilu ma’ Napoli sa mis-sena 2010 fejn lagħab xejn inqas minn 224 partita u skorja 56 goal.