Il-PM Taljan jappoġġja lil Salvini dwar il-kwistjoni tad-Diciotti

    Filwaqt li l-prokuratur distrettwali tat-Tribunal ta’ Katanja qed jitlob li jittieħdu provedimenti penali fil-konfront tal-Ministru tal-Intern Taljan, Matteo Salvini, minħabba l-każ tal-immigranti li tħallew għal diversi ġranet maqbudin fuq il-bastiment Diciotti, min-naħa tiegħu l-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte qed jappoġġja lil Salvini u jsostni li d-deċiżjoni li ttieħdet kienet waħda b’kunsens mill-Gvern Taljan kollu. Id-deċiżjoni finali dwar jekk għandhomx jittieħdu passi kontra Salvini mistennija tittieħed fl-20 ta’ Frar.

    Matul din il-ġimgħa, kompla jinstema’ l-każ li nfetaħ mis-Sezzjoni tar-Reati Ministerjali tat-Tribunal ta’ Katanja fejn dan talab lill-Presidenza tas-Senat Taljan biex jieħu passi kontra l-Ministru tal-Intern Taljan. Salvini hu akkużat b’sekwestru aggravat ta’ persuni fir-rigward tal-operazzjoni ta’ tiftix u salvataġġ mis-sezzjoni tal-Gwardja tal-Kosta “U. Diciotti”. Il-każ kien seħħ bejn l-20 u l-25 ta’ Awwissu 2018 meta 177 immigrant ta’ diversi nazzjonalitajiet tħallew fuq dan il-bastiment fil-Port ta’ Katanja u ma tħallewx jinżlu fuq l-art. 

    Waqt li kompla s-smigħ tal-każ, kompla wkoll joħroġ id-diżgwit li hemm fl-Italja stess dwar kif ġraw fil-verità l-affarijiet. Il-Ministru Salvini sostna li t-Tribunal ta’ Katanja qiegħed jgħaffeġ l-aktar regoli bażiċi tad-drittijiet internazzjonali u tal-Kostituzzjoni Taljana, filwaqt li jinvadi l-awtorità tal-Gvern. Jistqarr dan f’16-il paġna li ppreżentat waqt il-laqgħa fejn saret it-talba għall-awtorizzazzjoni biex jimxu l-proċeduri kontrih. 

    F’dan id-dokument, Salvini jsostni li dakinhar li seħħ il-każ, id-dgħajsa bl-immigranti kienet tinsab f’żona ta’ salvataġġ ta’ Malta u kienet qiegħda tikkordina l-operazzjoni. Jgħid ukoll li Malta kienet ikkomunikat li sa dak il-ħin kienet qiegħda tillimita ruħha biex tagħmel moniteraġġ tal-barkun. 

    Madankollu, Salvini jkompli jispjega li mbagħad kien hemm żewġ bastimenti Maltin li bdew iħeġġu lill-barkun biex idawwar ir-rotta lejn Lampedusa, minkejja li dan kien jinsab 50 mil minn Malta u 100 mil minn Lampedusa. Salvini jkompli jallega li l-Maltin sa dak il-ħin kienu qegħdin jillimitaw ruħhom li jassistu lill-immigranti billi jipprovdulhom ġgieget tas-salvataġġ, ikel u xorb. 

    Il-Ministru Taljan jirreferi wkoll għal xhieda li ngħatat minn ċertu Fiseha Epher li kien fuq din id-dgħajsa. Skont Salvini, dan qal li l-Maltin qalulhom li ma kinux se joħduhom Malta. Isostni li l-Maltin qalulhom li kienu żbaljaw il-post fejn riedu jmorru u li kienu se juruhom id-direzzjoni minn fejn kellhom imorru biex jaslu l-Italja. Peress li d-dgħajsa ma kellhiex strumenti tan-navigazzjoni, l-immigrant jirrakkonta li l-Maltin qalulhom biex isegwuhom ħalli joħduhom lejn l-Italja. L-immigrant isostni wkoll li għamlu 24 siegħa jsegwu l-bastiment Malti, fejn jiftakar li qattgħu l-lejl u l-ġurnata ta’ wara jsegwuhom. Itemm ix-xhieda tiegħu li mal-lejl ta’ wara l-bastiment Malti abbandunahom. 

    Min-naħa tiegħu, il-Ministru Salvini jgħid li din il-bidla fid-direzzjoni min-naħa tal-Maltin kienet biex l-immigranti jitmexxew f’ibħra Taljani, minkejja li dan tawwal ir-rotta b’ħafna. Isemmi wkoll li ntbagħtu diversi messaġġi ta’ salvataġġ lill-awtoritajiet Maltin, filwaqt li jgħid li mid-dgħajsa ntbagħtu messaġġi SOS għax kien dieħel l-ilma fid-dgħajsa. 

    Salvini jsemmi li fid-digriet maħruġ mit-Tribunal ta’ Palermo, Malta kienet qiegħda ssostni li bdiet tassisti lill-immigranti waqt li għaddew miż-żona ta’ tiftix u salvataġġ tagħha. Jingħad ukoll li l-Maltin qalu li l-immigranti rrifjutaw kull offerta ta’ assistenza u insistew li riedu jkomplu jbaħħru lejn il-kosta Taljana. Barra minn hekk, jingħad li l-Port Taljan ġie akkużat li wettaq interċettazzjoni ta’ dgħajsa li kienet qiegħda teżerċita d-dritt ta’ navigazzjoni f’baħar miftuħ f’kundizzjonijiet fejn ma kienx hemm periklu u b’mod sigur. 

    Salvini jsostni wkoll li min-naħa tat-Tribunal ta’ Palermo, dawn ma bdewx jaqblu ma’ dak li qalu l-awtoritajiet Maltin u jsemmi kif inqala’ kunflitt, tant li beda jingħad li hemm “gwerra ma’ Malta”. 

    Min-naħa tiegħu, Salvini jkompli jispjega li saru diversi tentattivi biex jiġu kkuntattjati l-awtoritajiet Maltin iżda dawn baqgħu f’silenzju u ma weġbux. It-Tribunal ta’ Katanja jistqarr li ż-żoni ta’ tiftix u salvataġġ tal-Konvenzjoni ta’ Hamburg ma jikkorrispondux mal-fruntieri u għalhekk jisħaq li Malta ma bdietx taċċetta li kienet żona tagħha peress li dan il-ftehim qatt ma ġie ratifikat. Għaldaqstant, it-Tribunal ta’ Katanja jgħid li l-istat fl-ewwel kuntatt kien dak Taljan. Jissemma li minħabba kif ġraw l-affarijiet spiċċa l-obbligu tal-Istat Taljan li jikkonkludi din l-operazzjoni u l-fatt li l-immigranti nżammew milli jinżlu fil-Port ta' Katanja kien att li jillimita l-libertà tal-moviment tagħhom. Jgħid ukoll li d-diżgwit ma' Malta ma kinitx raġuni valida li tiġġustifika din l-att. 

    Il-Ministru Salvini sostna li min-naħa l-oħra, it-Tribunal ta' Palermo qal li l-awtoritajiet Maltin wara li kisru d-dmir ta' salvataġġ impost minn konvenzjonijiet internazzjonali, mid-dmir marittimu u minn regoli ta' kuxjenza, baqgħu ostinati li jirrifjutaw milli jsalvaw lill-immigranti u b'hekk kisru n-norma internazzjonali li timponi lill-Gvern responsabbli miż-żona ta' salvataġġ li jeżerċita r-responsabbiltà primarja u li d-dgħajsa tingħata assistenza u tiddaħħal f'post sigur, bl-inqas devjazzjoni mir-rotta fejn tkun tinsab. Għalhekk jisħaq li t-tribunal ta' Palermo igiddeb kompletament dak li jgħid it-tribunal ta' Katanja, li jsemmi li qal li hu ħa d-deċiżjonijiet li ħa għax kien qed jistenna l-eżitu tal-laqgħa li kellha ssir fl-24 ta' Awwissu fuq livell Ewropew biex jiġi diskuss dan il-każ. 

    Filwaqt li jkompli jirribatti dak kollu li ntqal mit-tribunal ta' Katanja u jakkużahom li qegħdin imorru kontra l-Kostituzzjoni Taljana, Salvini jsostni li din kienet deċiżjoni li ttieħdet bħala Gvern u b'reazzjoni għal dak li kien ġie miftiehem fuq livell Ewropew. 

    Appoġġ mill-Prim Ministru u Ministri oħra Taljani

    Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte wkoll ippreżenta dokument fejn isemmi li hu appoġġa d-deċiżjonijiet li ttieħdu minn Matteo Salvini u li permezz tagħhom dawn l-immigranti ġew imwaqqfa milli jinżlu minn fuq id-dgħajsa għal sebat ijiem. Conte jiddikjara li hu responsabbli mill-politika internazzjonali tal-Gvern u allura Salvini kulma kien qed jagħmel hu li jsegwi din il-politika. 

    Jieħdu wkoll din l-istess pożizzjoni l-viċi-President tal-Kunsill tal-Ministri, Luigi Di Maio u l-Ministru tal-Infrastruttura u t-Trasport, Danilo Toninelli li fid-dokument tagħhom ukoll jitkellmu dwar deċiżjoni miftehma fuq livell politiku. 

    Dawn il-pożizzjonijiet ġew interpretati minn ċerti politiċi Taljani bħala azzjonijiet li ttieħdu apposta biex isalvaw lil Salvini milli jkompli għaddej b'dan il-proċess.