“F’dawk in-nirien, il-ħaddiema niżlu jfittxu lil sħabhom”

    Nenu Ancilleri kien wieħed mill-ħaddiema li b’xorti tajba rnexxielhom jaħarbu minn ħalq il-mewt. Jispjega ma’ inewsmaltali l-imgħallem kien tah xi xogħol f’erba’ postijiet fit-tankijiet u kien qed jaħdem fit-tank numru 5. Meta niżel u bdew jaqilgħu l-pajpijiet tal-pompa, għadda l-imgħallem tiegħu għax kien sejjer l-engine room u staqsieh jekk kellux bżonn xi ħaġa. 

    Jiftakar li f’daqqa waħda kien hemm dlam ċappa u beda tiela’ balla nar. Qal li kulma kien xi erba’ metri ‘l bogħod. Kif ra hekk, Nenu kien se naqbeż fil-baċir għax bid-dlam ma beda jara xejn. Sostna li l-isplużjoni kienet waħda tal-ġenn u beda jitlob lill-Madonna. Qal li mbagħad kien hemm l-Għarab u bdew iniżżlu slielem tal-ħbula u l-injam. Niżlu minnhom wieħed wara l-ieħor u mbagħad qabżu l-aħħar erba’ piedi ‘l isfel. 

    Nenu jirrakkonta li mbagħad telgħu minn wara jiġru u wara mar lejn id-dar. Għal xit-3.00 a.m. ħaduh l-isptar. Kif għadda dan l-episodju kien għamel sitt xhur filli jibki u filli jidħak u għalhekk kellu bżonn l-għajnuna. Kif reġa’ daħal lura, kien imbagħad intbagħat l-istores biex ma jibqax jaħdem f’daqstant perikulu. Nenu jsemmi li din kienet xi ħaġa kerha ħafna li kellu jara lil sħabu mejtin. Fost l-oħrajn, semma lil Simon, li kellu 21 sena mill-Imsida u li kien iwasslu filgħodu. 

    Fl-aħħarnett, Nenu rrimarka li l-kbira f’dan kollu kienet li f’dawk in-nirien, il-ħaddiema tat-tarzna niżlu jfittxu lil sħabhom. Sostna wkoll li kieku din id-diżgrazzja ġrat bi nhar kienu jmutu ħafna aktar nies.