''13-il rotta ġdida fl-ewwel xhur tal-2019''… il-Ministru Konrad Mizzi

    Hekk kif din il-ġimgħa tħabbar rekord ieħor fit-turiżmu għall-pajjiżna, dak ta’ 2.6 miljun viżitatur fl-2018, il-Ministeru għat-Turiżmu flimkien mal-Awtorità għat-Turiżmu kompliet b’ħidma sfiqa sabiex jinfetħu numru ta’ rotot ġodda fl-2019. Filfatt, fl-ewwel xhur ta’ din is-sena se jinfetħu 13-il rotta ġdida.

    L-akbar tkabbir ġie mis-suq Spanjol

    “Dan jikkumplimenta l-viżjoni tal-Gvern sabiex niddiversifikaw is-settur tat-turiżmu tagħna u nassiguraw li jkun sostennibbli. Iżda mhux biss: qegħdin nassiguraw li Malta tkun kemm jista’ jkun ‘well connected’, li  t-tkabbir ekonomiku ikun wieħed sostennibbli u tkompli tkun aktar aċċessibli għall-investiment barrani.” saħaq il-Ministru Konrad Mizzi f’kummenti li ta esklussivament għal inewsmalta.

    L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta baqa’ ukoll jirrapporta żidiet fil-passiġġieri.  Ix-xahar li għadda mill-ajruport għaddew 366,000 passiġġier; 4.1% aktar minn Jannar tas-sena l-oħra. L-ajruport internazzjonali ta’ Malta din il-ġimgħa irrapporta li għall-ewwel darba, l-passiġġiera minn u lejn l-Italja għaddew bi ftit il-passiġġiera aktar mis-suq Ingliż.

    Miċ-ċifri jirriżulta li mis-suq Taljan ġew aktar minn 82,000 passiġġier, li aktar minn 19,000 minnhom telqu mill-ajruport ta’ Katanja. L-akbar tkabbir ġie rreġistrat fis-suq Spanjol fejn ġie rreġistrat tkabbir ta’ aktar minn 87% hekk kif it-titjiriet għal diversi bliet Spanjoli li bdew fis-sajf komplew jiġu operati fix-xitwa.

    F’Jannar biss, l-ajruport ra ftit aktar minn 3,000 moviment ta’ ajruplani li setgħu jġorru sa ftit aktar minn nofs miljun passiġġieri.

    “Ser inkunu qiegħdin nintroduċu 13-il rotta fil-bidu tax-xhur tal-2019. Dawn jinkludu Amman, il-Kajr, Doha, Cork, Maasthict, Oslo Torp u Thessaloniki. Dan flimkien ma’ introduzzjoni ta’ rotot fil-Core markets bħal Cardiff, Exeter, Verona, Genoa, Perugia, Lamesia u Bordeaux.”

    Il-Ministru Mizzi aċċenna li dawn ir-rotot huma apparti miż-żieda fil-frekwenza ta’ rotot li ser ikunu qiegħdin jidħlu fis-seħħ. huwa spjega kif fl-2018 l-Awtorità Maltija għat-turiżmu ħadmet biex tikkonsolida s-swieq tradizzjonali tagħha kif ukoll fuq swieq ġodda bħal dawk li huma tal-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Ġappun.