''Xi kultant taqa' fit-trappola biex twaqqaf attitudni żbaljata''... jitlob apoloġija u jappella kontra n-negattività

    Wara li fl-aħħar jiem beda jiċċirkola filmat tal-preżentatur Karl Bonaci li uża aġġettivi bħalma huma “injorant” u “għajnbaqru”, b’ħafna jkunu dawk li rreaġixxew b’kummenti ta’ rabja hekk kif sostnew li Bonaci ma kellu qatt jkellem lit-telespettatur li pparteċipa fil-programm tiegħu b’dak il-mod.

    Bonaci f’reazzjoni għal dan il-filmat li beda jixxandar, ħa l-opportunità biex fi programm ieħor, mhux biss talab apoloġija lir-raġel li ċempel biex jistaqsi jekk il-boroż is-suwed fil-lokalità tas-Siġġiewi humiex se jkunu qegħdin jitqassmu bla ħlas f'xi ġurnata partikolari, iżda kkonferma wkoll b’telefonata mal-Kunsill Lokali li l-boroż is-suwed la qatt tqassmu bla ħlas u lanqas se jkunu qegħdin jitqassmu bla ħlas.

    Bonaci tenna jgħid li n-negattività ma tieħu xejn minnha u hija ħasra li jinħolqu argumenti simili b’mod speċjali fuq suġetti sempliċi bħalma huma l-boroż is-suwed tal-iskart.