''Naħseb li inqatel minħabba xogħlu”... l-attivist Somalu Hassan Mohamed Aweis

    Inewsmalta tkellmet ukoll mal-attivist Somalu, Hassan Mohamed Aweis dwar il-qtil ta' Paul Anthony Formosa. Fi kliemu stess, “naħseb li Paul Formosa inqatel minħabba ix-xogħol tiegħu b’konnessjoni mal-port.  P&O Ports hi sussidjarja ta’ DP World u dawn ingħataw konċessjoni ta’ 30 sena biex imexxu l-port ta’ Bossasso.”

    Miegħu nitkellmu dwar id-diversi spekulazzjonijiet fosthom ta’ kif iddaħħlet l-arma fil-port, u jekk il-ħaddiem Malti kienx mhedded qabel.

    Hassan jgħidilna li “Paul inqatel waqt li kien miexi f’dik li hi ż-żona tas-sajd.  Il-membri tas-sigurtà tiegħu qatlu lil dak li spara.”

    Nistaqsuh dwar kif diversi sorsi qed iqajmu l-punt li l-qattiel seta’ kien mgħejjun minn xi ħadd minn ġewwa. Dwar dan, Hassan jgħid li “ma naħsibx li kien mgħejjun minn ġewwa.  L-Al Shabab ħadet responsabblità ta’ dan l-qtil.  Dwar il-pistola ngħid li jekk l-Al Shabab iridu joqtluk jaqbdu u jagħmlu dan. Ma nemminx li lil qattiel għaddewlu l-arma fil-port”.

    Dwar jekk Formosa kienx mhedded fix-xhur li għaddew, hu qalilna li “ma naħsibx. Imma hemm investigazzjoni għaddejja”. 

    Hassan jitkellem dwar il-qattiel u jgħid li ma jemminx li dan spara għalih innifsu. “Hu ipprova jaħrabu inqatel mill-membri tas-sigurtà li kienu ma’ Paul Formosa”.