Miċħuda allegazzjonijiet dwar il-mina ta’ bejn Malta u Għawdex

    Fi stqarrija maħruġa minnu aktar kmieni, il-gvern ċaħad allegazzjonijiet mill-gazzetta MaltaToday li d-dħul mil-mina ta’ bejn Malta u Għawdex ladarba tinbena mhux se jkopri l-investiment li jkun sar.

    L-istqarrija tkompli tgħid li dan il-proġett se jgħaqqad darba għal dejjem b’mod permanenti lil dawn iż-żewġ gżejjer u li l-gvern huwa kommess li jwettaq dan il-proġett għall-benefiċċju tal-kommunità Għawdxija sabiex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.

    Il-proġett se jiffaċilità l-ivjaġġar għal dawk l-Għawdxin li ta’ kuljum jaqsmu l-fliegu sabiex imorru għax-xogħol, se jġib ukoll opportunitajiet ta’ xogħol, se jistimula t-tkabbir ekonomiku f’Għawdex u jagħti wkoll iċ-ċans liż-żgħażagħ Għawdxin biex jaħdmu u jgħixu fi gżirithom.

    Il-gvern temm jgħid li x-xogħol ta’ preparamenti u pjanar dwar dan l-investiment importanti minn meta nbeda sentejn u nofs ilu miexi ġmielu u qed tingħata l-ikbar attenzjoni lil din il-fażi ta’ pjanar sabiex jiġi aċċertat li l-pajjiż jieħu l-valur massimu minn dan l-investiment.