''L-għoti taċ-ċavetta għall-kirja se tkun biss il-bidu ta’ proċess u mhux it-tmiem''

    F’attivita politika fiċ-Ċentru Laburista tal-Imġarr, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat beda biex jgħid li xi kultant ikollna bżonn infakkru dak li naħsbu li hu ovvju u li jintesa malajr wisq. Filwaqt li awgura lill-Pawlini kollha f’jum il-festa pubblika ta’ San Pawl, awgura fuq kollox lill-ħaddiema bħal-lum għaliex stqarr li illum permezz tal-wegħda li saret fl-elezzjoni li għaddiet u li bdiet titwettaq , festa pubblika li tinzerta l-Ħadd, il-ħaddiema mhux ħa jkunu qed jitilfuha mil-leave tagħhom.

    Il-Prim Ministru semma s-sodisfazzjon li kellu din il-ġimgħa meta ra pass kruċjali biex f’Malta ikollna finanzjament ta’ ħamsin miljun ewro li permezz tiegħu ħa jkun hawn ħames mitt appartament ġdid ta’ housing soċjali. Fakkar li f'pajjiżna tmenin fil-mija tal-Maltin u l-Għawdxin huma sidien ta’ djarhom u li llum is-sussidju huwa erba’ darbiet aktar minn dak li kien jingħata lil dawk tal-kera. Muscat tkellem dwar persuni li jixtiequ jixtru u li bi ftit għajnuna jistgħu jaslu biex jixtru l-propjetà tagħhom. 

    Il-Prim Ministru spjega li l-proġett tal-housing soċjali jieħu ż-żmien għax jieħu inkonsiderazzjoni għadd ta’ punti fosthom dawk ambjentali. Fakkar kif dawn il-ħames mitt post se jkunu mferxin fuq tnejn u għoxrin lokalità biex b’hekk ikunu mqassmin u hekk tintegra lin-nies mal-kumplament tas-soċjetà. 

    Il-Prim Ministru kompla biex jgħid li l-għoti taċ-ċavetta għall-kirja se tkun biss il-bidu ta’ proċess u mhux it-tmiem. Dan għaliex fi kliemu, l-familja li tkun daħlet f’post soċjali, se tkun segwita permezz ta’ social workers u l-istat se jkun qed jieħu ħsieb li jkompli jsegwi każijiet tal-aktar nies vulnerabbli.

    Lejn tmiem id-diskors tiegħu, l-Prim Ministru tenna dwar l-importanza ta' ħidma kontinwa li tkompli tgħolli isem pajjiżn. Dan fl-istess waqt li għada, "min-naħa tal-partit nazzjonalista, se jsir attentat iddisprat ieħor biex jaraw kif jitfgħu d-dubju u t-tajn fuq isem Malta."

    Huwa temm billi appella biex kulħadd jifhem x’se jkun il-punt tat-tluq għall-elezzjoni tal-parlament ewropew u qal li dan qed jgħidu biex minn issa, ssir ħidma biex mija u ħamest ijiem oħra verament jitwassal il-messaġġ li hemm bzonn jitwassal u nkunu nistgħu nagħżlu l-aħjar rapprezentanti għal Malta fil-Parlament Ewropew.