“Pajjiżi tat-tielet dinja jitgħallmu ġol-kontejners”... Il-Kap tal-Oppożizzjoni jisħaq li l-Gvern qed “jikkalpesta” l-edukazzjoni

    Waqt intervista fuq NET FM, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sostna li l-Gvern qed jikkalpesta l-edukazzjoni u qed juri kemm għalih dan is-settur ma jfisser xejn. “Mhux talli mhux jirrispetta lill-edukaturi imma issa anka lil uliedna.”

    Huwa rrefera b’mod speċjali dwar l-iskola ta’ San Pawl il-Baħar u ż-Żejtun, fejn kuntrarju ta’ dak li kien iwettaq il-Partit Nazzjonalista li “dejjem iġġieled biex ikollna waħda mill-aqwa sistemi tal-edukazzjoni”, dan il-Gvern qed juri kemm falla f’dan is-settur.

    Delia qal li huwa “ċertifikat tal-biki” li dawk li huma l-futur tal-pajjiż tagħna qed jitgħallmu ġol-kontejners għax fi kliemhu jgħid li l-Gvern qed jipposponi l-bini ta’ dawn l-iskejjel ġodda. Delia sostna li huma l-pajjiżi tat-tielet dinja li jitgħallmu ġewwa l-kontejners u li din m’għandix tkun is-sitwazzjoni f’pajjiżna. Skont Delia, il-Gvern kulma jinteressah huwa t-trasport b’xejn.

    Huwa saqsa fejn qed imur is-surplus li l-Gvern jiftaħar bih jekk m’hemmx flus biex jinvesti fl-edukazzjoni. “Dan huwa Gvern ipokrita li qed jiffavorixxi lil ftit u jxaħħam lil ta’ madwaru.”