''Qtil ippjanat u b’id minn ġewwa’’

    Il-qtil tal-ħaddiem Malti, Paul Anthony Formosa fil-port ta’ Bossasso fis-Somalja qed iqajjem mistoqsijiet kbar. Waħda mill-akbar mistoqsijiet hi dik dwar kif il-qattiel irnexxielu jidħol fil-parti tal-port mill-aktar sigura.  Il-mistoqsijiet li qed iqumu m’humiex ftit fosthom dwar kif il-qattiel spiċċa b’pistola tat-tip Makarov ġewwa żona fil-port li biex tkun fiha trid tgħaddi minn scanners sofistikati għall-aħħar.  Huma diversi dawk fis-Somalja li qed iqajmu l-punt li l-qattiel probabbilment kien mgħejjun minn xi ħadd fil-port biex ikun jista’ jwettaq id-delitt.  Inewsmalta hi infumata minn sorsi fis-Somalja li “Al Shabab kienu ilhom mill-inqas għal bejn ġimgħa u ġimagħtejn jippjanaw dan  il-qtil. Il-qattiel kien ilu fil-port ta’ Bossasso, għal tlett ijiem”.  Fost dawk li jgħixu fiż-żona tal-Port, kien hemm qasma dwar l-iżvilupp ta’ dan l-port. Hemm nies li kellhom rispett kbir lejn Paul u għax xogħol li hu u l-kumpanija li kien qed jaħdem għaliha kienu qed iwettqu biex dan il-port jikber, waqt li oħrajn kienu qed jarawh f’dawl ikrah minħabba it-tibdil li kien se jsir wara li l-port għadda mingħand kumpanija Somali għal dik ta’ P&O, li hi mill-Emirati Għarab Magħquda.

    Il-membri tas-sigurtà li kellu miegħu kienu mħarrġin biex joffru sigurta għal VIP?

    Inewsmalta tkellmet ma’ diversi sorsi fis-Somalja, fejn dawn qegħdin jagħtu  verżjonijiet kontrastanti ta’ kif ġraw l-affarijiet u anke tal-ħidma ta’ Paul Formosa f’Bossasso.

    Sors li tkellimna miegħu,  u li ma riedx li jkun kwotat b’ismu qalilna li “Paul kien rispettat ħafna mill-awtoritajiet f’Bossasso. Dan ma jfissirx li kulħadd kien jirrispetah. Xi xhur ilu l-kumpanija li kien jaħdem magħha ingħatat il-port f’idejha u bdew isiru l-bidliet li m’għoġbux lil ħafna nies.”

    Jgħidilna li “l-qtil ma sarx f’post kwalunkwe.  Sar fil-port eżattament fil-parti li hi ċ-ċentru tas-sajjieda. Biex tidħol f’din il-parti trid tkun identifikat. Allavolja hi parti tas-sajjieda biex tidħol fiha mhux biss jidentifikawk imma anke tgħaddi minn scanners. Il-mistoqsija hi waħda ċara ħafna kif dak li spara irnexxielu jispiċċa b’arma. Daħħalha miegħu minn barra u rnexxielu jgħaddi mill-iscanners jew ingħatatlu minn xi ħadd fil-port? Iż-żona hi waħda mgħassa sew u mhux faċli tidħol fiha. Kif dan irnexxielu jidħol? Kollox qed jindika li biex dan il-qtil seta’ jseħħ fejn sar,  aktarx li l-qattiel kellu għajnuna minn  ġewwa biex jesegwixxi ‘l qtil”.

    Qtil li kien ilu jiġi ippjanat

    Inewsmalta hi infurmata ukoll li “kollox qed jindika li dan il-qtil kien ilu ippjanat għal bejn ġimagħtejn u tlett ġimġħat. Il-qattiel mhux minn Bossasso. Hu kien ilu fil-belt tlett ijiem biss. Dan ġie f’Bossasso biex iwettaq il-qtil biss”.

    Spjega li “l-arma li biha inqatel Paul hi pistola tat-tip Makarov. Din hi pistola komuni ħafna fis-Somalja.  Faċli taħbiha fuqek imma hi diffiċli ħafna li jirnexxiek tgħaddi biha mll-iscanners li hemm. Minħabba dan hemm min qed isostni li l-pistola setgħet ingħatat meta dan kien ġol-port.

    L-istess sors spjegalna li Paul kien jgħix ftit bogħod mill-port f’żona li hi magħrufa għas-sigurtà li hemm fiha.  Jispegalna li “Paul kien dejjem kun mgħasses minn żewġ uffiċjali. Dan l-aktar minħabba kwistjonijiet li nqalgħu ftit xhur ilu  ma’ diversi sajjieda.”

    L-istess sorsi jgħidulna li “allgatament  is-sigurtà li kellu miegħu aktarx li ma kinux imħarrġin dwar kif għandhom jagħtu protezzjoni lill-VIP’s.”

    Hemm min oġġezzjona li l-port ingħata b’konċessjoni għal 30 sena

    Sorsi oħra li tkellmu ma’ dan is-sit nqalulna li “dan il-qtil, ma tridx tarah fiċ-ċirkostanzi ta’ bħalissa. Il-kwistjoni ilha tinħema. Dan minn meta xhur ilu, il-port ta’ Bossasso ma baqax tal-kumpanija Gaas. Dan ħoloq ferment f’Puntland.  Il-ftehim biex il-kumpanija Gaas  tgħaddi l-Port lil DB World għadda mill-Parlament. Biss hemm allegazzjonijiet kbar fuq kif il-Parlament għadda dan il-ftehim u għaliex.  B’dan il-ftehim il-port kien se jgħaddi għal 30 sena f’idejn il-kumpanija l-ġdida mill-Emirati Għarab Magħquda. Kien hawn każ li rrabbja lil ħafna nies u dan kien meta mill-port tniżżlet il-bandiera tas-Somalja u ttellgħet dik tal-Emirati. Għal dan kien hawn sezzjoni ta’ nies li rrabjaw bil-kbir.”

    F’Novembru ta’ sena u nofs ilu kienu saru protesti kbar meta l-port għadda f’idejn il-kumpanija l-ġdida. Dakinhar kien hemm reżistenza kbira minn nies tal-lokal.  Weġġgħu għadd ta’ nies fil-protesti u l-imblokki li saru. Kellna anke imwiet”.

    L-istess sors spjegalna li “kien hemm għadd ta’ theddid fuq Paul. Filfatt, għal xi żmien kien telaq minn hawn.  Ir-reżistenza kontra l-pjani intiżi għat-tibdil fil-port baqgħu ikunu oġġezzjonati minn għadd kbir ta’ nies. Kien hemm min irnexxielu  jakkwista n-numru tat-telefon ta’ Paul u bdew ixerrduh fuq il-midja soċjali. Jidher li xi residenti anke bdew ixerrdu ritratti ta’ Paul, li ttieħdu minn fuq is-sit soċjali tiegħu. Jidher li minn dakinhar, is-sit soċjali ta’ Paul, inbidel u bdew jarawh biss il-ħbieb tiegħu”.

    Il-qattiela wieħed jew tnejn?… il-qattiel inqatel jew qatel lilu nnifsu?

     L-istess sors qalilna li “hemm ukoll nuqqas ta’ ċarezza fuq min qatel lil Paul. Hemm min qed isemmi li kienu żewġ persuni u hemm min qed jgħid li kienet persuna waħda. Din għadha qed tiġi investigata.  Hemm  ukoll il-kwistjoni dwar il-qtil ta’ dak li spara lil Paul Formosa.   Inqatel mill-membri tas-sigurtà li kien hemm ma’ Paul jew hu qatel lilu nnifsu?  Naħseb li dan hu punt li għandu jkun investigat. Hemm il-probabbiltà li dan seta’ spara lilu nnifsu biex ma jinkixifx min bagħtu”.

    Ta’ min jgħid li Paul Anthony Formosa inqatel kmieni din il-ġimgħa, meta dan kien għadu kif daħal għax-xogħol.  L-Al Shabab  ħadu responsabbilità tal-qtil, waqt li Abdullahi Mohamed Ibrahim li sparalu miet fl-isptar ftit wara.  Formosa kellu 52 sena u kien minn Wied il-Għajn. Hu kien ilu għall-aħħar snin jaħdem barra minn xtutna.