Il-binja fi Triq Buqana mhix se titwaqqa’ minn Infrastructure Malta… perĂ² żviluppaturi terzi se jibdluha f’residenzi

    Il-pjan tal-proġett ta’ Infrastructure Malta, biex tinbena mill-ġdid Triq il-Buqana, ma jinkludix it-twaqqigħ ta’ binja li tmur lura għal mijiet ta’ snin. Madankollu, jirriżulta li fuq din il-proprjetà privata hemm pjan ta’ żvilupp minn żviluppaturi terzi, biex tiġi mibdula f’residenzi. 

    Dan ġie kkonfermat lilna minn Infrastructure Malta li spjegat li minħabba dan il-permess tal-iżvilupp, tinsab f’diskussjonijiet mal-awtoritajiet kompetenti, inklużi dawk responsabbli mill-ħarsien tal-wirt storiku, biex jiġi deċiż jekk hux meħtieġ tibdil fil-proġett minħabba l-użu ġdid li se jkollha din il-binja meta tiġi żviluppata. 

    Fl-aħħar jiem, l-għaqda non-governattiva Din l-Art Ħelwa rrimarkat li din il-binja fi Triq Buqana għandha valur storiku, peress li tirrappreżenta eżempju tajjeb ta’ “Masseria” - kumpless rurali, li kienu jinsabu l-aktar fin-naħa t’isfel tal-Italja fis-sekli 16 u 18. Tgħid ukoll li din il-binja kienet proprjetà tal-familja nobbli Inguanez li kienu jiggvernaw f’Malta sal-wasla tal-Kavallieri. L-NGO tgħid ukoll li din il-binja żgur li hi protetta u skedata. 

    Il-proġett fi Triq il-Buqana

    Infrastructure Malta spjegawlna li dan il-proġett tal-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Buqana se jsir b’investiment ta’ madwar €3.6 miljun u qed isir b’mod li jkollu l-inqas impatt possibbli fuq l-ambjent tal-madwar u fuq il-persuni li jgħixu, jivvjaġġaw jew jaħdmu fl-inħawi. 

    Permezz ta’ dan il-proġett, se tkun qiegħda tiżdied korsija għall-vetturi mill-Imtarfa lejn il-Mosta u l-Imġarr u korsija għar-roti ġdida b’tul ta’ 1.8 kilometri, fl-istess direzzjoni. 

    Dan il-proġett mistenni jkompli jnaqqas id-diffikultajiet li jwasslu għal dewmien fl-ivvjaġġar għal madwar 18,000 persuna li jużaw din ir-rotta kuljum biex imorru minn u lejn it-Tramuntana tal-gżira u lejn Għawdex. Infrastructure Malta qiegħda tbassar li l-ħin tal-ivvjaġġar f’din ir-rotta mistenni jonqos b’madwar 36 fil-mija. 

    Bħala parti minn dan l-investiment, Infrastructure Malta se tkun qiegħda tibni mill-ġdid ukoll il-pont ta’ Wied il-Qlejja (Chadwick Lakes) li tgħaddi minn fuqu din it-triq. Mal-ġnub tat-triq, se jinbnew ukoll 1.8 kilometri ta’ ħitan bil-ġebel tas-sejjieħ ġodda. 

    Fit-tweġiba tagħha, Infrastructure Malta qalet ukoll li wara diskussjonijiet li kellha ma’ għaqdiet ambjentali ntrabtet li tħawwel mal-elf siġra fl-istess inħawi u f’postijiet indikati mill-istess awtoritajiet biex tkompli ttejjeb il-kwalità tal-ambjent fl-inħawi u tagħmel tajjeb għal kull impatt mhux mixtieq li jista’ jkollu dan il-proġett. 

    L-aġenzija qiegħda tintrabat li tlesti dan il-proġett sas-sajf li ġej, filwaqt li se twettaq dan il-proġett f’fażijiet differenti biex it-triq tibqa’ miftuħa u ma jinħolqux diffikultajiet għall-pubbliku għar-residenti tal-inħawi.