Id-dgħajsa li ħarġet mill-port dakinhar tal-qtil ta’ DCG l-istess waħda maqbuda mill-Pulizija

    Il-kumpilazzjoni b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, li fiha  George Degiorgio magħruf bħala ‘Iċ-Ċiniż’, Alfred Degiorgio ‘il-Fulu’ u Vince Muscat ‘Il-Koħħu’ qed ikunu akkużati bil-qtil, il-kaptan Ruben Lanfranco, fix-xhieda tiegħu  qal li dgħajsa li dehret ħierġa  u dieħla mill-Port il-Kbir dakinhar tal-qtil hi l-istess waħda li nqabdet mill-Pulizija. 

    Fil-Qorti ntqal li din id-dgħajsa allgatament hi ta’ Alfred Degiorgio, għalkemm dakinhar kienet misjuqa minn ħuħ, George Degiorgio.  Il-kaptan Lanfranco iddikjara li d-ditta ta’ din id-dgħajsa hi dik ta’ ‘Wellcraft’ bil-mudell hu Martinique 2800. Il-kaptan Lanfranco fix-xhieda tiegħu spjega li Malta huma ftit id-dgħajjes u l-opri tal-baħar  ta’ dan it-tip irreġistrati. 

    Ma setax jonqos li l-Kaptan Lanfranco ikun suġġett għal diversi mistoqsijiet tad-difiża, fejn meta ppressat iddikjara kif hemm ċans ta’ 95% li din l-istess dgħajsa maqbuda mill-Pulizija hi l-istess waħda li daħlet u ħarġet mill-Port il-Kbir nhar is-16 ta’ Ottubru.

    Il-Kaptan Lanfranco ġie mistoqsi jekk jeskludix  il-possibilità li dgħajsa setgħet kienet dgħajsa li qed iżżur Malta, bil-kaptan  jgħid li din hi xi ħaġa diffiċli għax hmm kontrolli għal dan u kieku kienet tiġi identifikata.