L-ajruport Malti bis-seba' l-ikbar żieda fil-passiġġieri

    Matul is-sena 2017 l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta ra żieda ta' 18.3% fil-passiġġieri li għaddew minnu meta l-medja fl-UE rat biss tkabbir ta' 7.3%.

    Dan kien ifisser li Malta kellha s-seba' l-ikbar żieda fil-passiġġieri li għaddew mill-ajruporti tal-pajjiżi msieħba fl-UE.

    Statistika maħruġa mill-Eurostat turi li s-Slovenja rat l-ikbar żieda, bi 19.8%, mentri l-pajjiż bl-inqas rata ta' passiġġier bl-ajru li għaddew minnu kien  id-Danimarka b'żieda ta' 1.5%.

    L-iktar ajruport li għaddew minnu passiġġieri kien dak ta' Heathrow f'Londra li ra 77 miljun passiġġier, żieda ta' 3.1% fuq l-2016.

    Warajh ġew l-ajruport Charles De Gaulle ta' Pariġi b'69 miljun passiġġier u dak ta' Schiphol f'Amsterdam bi 68 miljun.

    L-ajruport li kellu l-akbar żieda fil-passiġġieri li għaddew minnu kien dak ta' Sofia fil-Bulgarija li żdiedu bi 30.5% segwit minn dak Chopina f'Varsavja, il-Polonja, fejn il-passiġġieri żdiedu bi 22.7%.