Iċ-“children’s allowance” se jingħata kmieni… dawn se jinkludu ż-żidiet imħabbra fil-baġit għas-sena d-dieħla

    Minn nhar is-Sibt 15 ta’ Diċembru, se jibdew jintbagħtu l-pagamenti taċ-“children’s allowance” għall-ewwel tliet xhur tas-sena 2019 li se jfissru kważi €9 miljun fil-bwiet ta’ 42,000 familja (63,000 wild). Dawn se jkunu jinkludu ż-żidiet imħabbra fil-baġit għas-sena d-dieħla, għal dawk eleġibbli.

    Ħabbar dan il-Ministru għall-Familja, Drittijet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon waqt konferenza stampa li matulha spjega kif għall-ewwel darba fi 11-il sena (u f’ċertu każijiet għal 23 sena) se jiżdiedu ċ-“children’s allowance” lill-familji bi dħul gross anqas minn €20,000 fis-sena.

    Il-Ministru Falzon spjega li 8,100 familja (12,200 wild) se jkunu qed jieħdu żieda diretta fir-rata li tvarja sa massimu ta’ €96 fis-sena għal kull wild. Dawn jinkludu kemm ġenituri fuq il-benefiċċji soċjali kif ukoll ġenituri li jaħdmu. 

    Żied jgħid li 4,400 familja (6,600 wild) oħra se jieħdu żieda indiretta varjabbli fir-rata għaliex id-dħul tagħhom żdidilhom mis-sena ta’ qabel u allura kieku kollox baqa’ kif kien, kienu jieħdu rata anqas milli fil-fatt se jirċievu. Dan ifisser li madwar 12,500 familja (18,800 wild) se jibbenefikaw minn zidiet diretti jew indiretti fiċ-“children’s allowance”.

    Barra minn hekk, 1,330 familja (kważi 1,400 wild) se jieħdu wkoll żieda ta’ €260 fis-sena fl-allowance għal tfal b’diżabilità.

    Il-Ministru Falzon qal li dan kollu juri l-impenn tal-Gvern biex l-ebda tifel u tifla ma jispiċċaw f’riskju ta’ faqar, jekk minn tal-inqas ġenitur wieħed ikun jaħdem. Qal li se nkomplu nagħmlu dak kollu possibbli biex kemm jista’ jkun nnaqqsu kemm il-faqar u anke l-esklużjoni soċjali. 

    “Din hija politika li verament tifhem il-bżonnijiet neċessarji ta’ familji li jsibuha diffiċli jlaħħqu mal-ħajja. Kommessi li nkomplu nagħtu aktar għajnuna biex verament ngħixu f’soċjetà ġusta. B’hekk biss ngħixu l-kunċett ‘Prosperity with a Purpose,’” temm jgħid il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali.