Il-pjazza ta’ Ħaż-Żabbar timtela b’Uffiċjali Korrettivi armati sa snienhom, b’wiċċhom mgħotti u lebsin ħwejjeġ protettiv

    Wieħed mit-tliet irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia lbieraħ filgħodu ittieħed l-Isptar St James f’Ħaż-Żabbar, biex jingħata l-kura medika li kellu bżonn.

    Persuni li kienu fil-pjazza nħasdu meta raw vann li fih iġorr il-priġuneri idur mal-pjazza u jieqaf ftit metri ‘l bogħod mill-istess sptar u bdew jistaqsu x’kien qed jiġri.

    Mill-vann dehru neżlin numru ta’ Uffiċjali Korrettivi armati sa snienhom, b’wiċċhom mgħotti u lebsin ħwejjeġ protettiv. 

    Imbagħad taħt sigurtà stretta deher ħiereġ George Degiorgio, magħruf bħala “ċ-Ċiniż”, li kien għadu ġej mill-Qorti hekk kif ġiet fi tmiemha s-seduta tal-kumpilazzjoni dwar il-qtil tal-ġurnalista. 

    F’dan il-każ, George Degiorgio qed jiġi mixli ma’ ħuh Alfred Degiorgio magħruf bħala “l-Fulu” u Vincent Muscat magħruf bħala “l-Koħħu”.

    Qabel il-wasla tiegħu fuq il-post, iduru fl-inħawi kien hemm numru ta’ Uffiċjali Korrettivi oħra, b’uħud ikollhom bil-klieb magħhom, biex jassiguraw li l-post kien sigur. 

    Inewsmalta segwiet mill-qrib dak kollu li kien għaddej, minn x’ħin George Degiorgio daħal l-Isptar sakemm ħareġ. Kif lesta mill-appuntament li kellu, huwa ġie skortat lura lejn il-vann, u ttieħed fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

    Dan is-sit jinsab infurmat minn sorsi ta’ min wieħed jorbot fuqhom, li għal diversi xhur George Degiorgio kien qed jiġi segwit mit-tobba u l-istaff mediku li hemm fi ħdan is-Servizzi Korrettivi. L-istess sorsi qalulna li ftit tal-ġimgħat ilu l-istess Degiorgio kien ittieħed għal testijiet mediċi oħra f’wieħed miċ-ċentri tas-saħħa. 

    Inewsmalta tinsab infurmata wkoll li kien ilhom isiru pjani ta’ kif se ssir din l-operazzjoni kemm minħabba loġistika kif ukoll minħabba sigurtà. Barra minn hekk, l-appuntament li kellu George Degiorgio lbieraħ jidher li kien ilu ppjanat.

    L-appuntament tal-bieraħ sar jum biss wara li l-istess Degiorgio, permezz tal-Avukat tiegħu William Cuschieri, ppreżenta ittra uffiċjali kontra d-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jilmenta li huwa “vittma ta’ trattament inuman u degradanti.” 

    Fl-ittra, huwa sejjaħ lid-Direttur tal-Faċilità biex jirranġalu għal intervent mediku li għandu bżonn għaliex sostna li ilu għal xhur sħaħ isofri minn “uġigħ persistenti u insopportabbli” fi spalltu.

    Ritratti: Roger Azzopardi, Inewsmalta