Snow White u l-Maġija fil-Foresta tal-Fantażija

    ACTion Productions tistedinkom għat-tielet pantomima tagħhom bl-isem Snow White u l-Maġija fil-Foresta tal-Fantażija. Din is-sena l-awtur Sonic-j Aquilina għażel il-karattru ta’ Snow White, ovvjament l-awtur żamm ftit mal-istorja oriġinali li jaf biha kulħadd u frott l-immaġinazzjoni tiegħu ħoloq diversi karattri ġodda u sitwazzjonijiet umoristiċi li żgur għandhom jaqsmu lil kulħadd bid-daħk.

    Kollox jibda meta Snow White tigdem it-tuffieħa li offritilha oħtha Becky, li għandha s-setgha li tagħmel il-maġija s-sewda. Allura tinqeda bit-tuffieħa maġika biex teqred lil oħtha Snow White. Tgħid jirnexxielha l-ħsieb tagħha?

    Waqt li Snow White tkun mitluqa għal mejta fil-foresta jitfaċċaw sħabha n-nani u jibdew jikkustinjaw bejniethom min se jirnexxielu jqajjimha. Waqt dan kollu, jasal il-Prinċep Charming, u miegħu Kamillu, is-seftur personali tiegħu. Min minnhom kollha se jagħti l-bewsa tal-ħajja lil Snow White?

    Angolina r-Reġina tasal lura fil-foresta ma’ bintha Kristabell wara btala tal-ġenn iddur mad-dinja u tgħabbi lil dak u lill-ieħor. Meta tisma’ bid-diżastru li ġara, Angolina tfassal pjan biex twaqqaf lil bintha Becky milli tkompli taghmel aktar ħsara permezz tal-maġija s-sewda.  U x’sehem għandhom fil-pantomima Żażu l-mera maġika, Morgana s-saħħara, Nikka u Mixa?

    Din il-pantomima kollha daħk, kant, żfin u kostumi mill-isbaħ se tittella’ fis-7 u t-8 ta’ Diċembru fis-7pm, u fid-9 ta’ Diċembru fl-4pm fit-Teatru Dun Mikiel Xerri, Ħaż-Żebbuġ.

    Għal iktar dettalji, tista’ tidħol fil-paġna ta’ Facebook ta’ ACTion Productions.